Internazzjonali

Il-prezz taż-żejt: Kompla t-tnaqqis fost il-produzzjoni kontinwa tar-riżors

Il-prezz taż-żejt, fil-bidu tal-ġimgħa reġa’ niżel taħt it-$30 għal kull barmil, bis-swieq internazzjonali jirriflettu inkwiet kontinwu dwar il-ħażniet esaġerati ta’ dan ir-riżors.

B’hekk kompliet is-sitwazzjoni fejn il-provista qed tissupera kull livell ta’ domanda, bl-aħħar informazzjoni tissuġġerixxi ‘domanda mhux daqstant qawwija’ mill-Istati Uniti u ċ-Ċina, li huma l-akbar konsumaturi taż-żejt fid-dinja.

Laqgħa li saret bejn l-Arabja Sawdija u l-Veneżwela – it-tnejn produtturi taż-żejt rinomati – intemmet mingħajr pjan għal tnaqqis fil-produzzjoni. Ir-riżultat ta’ din il-laqgħa, għaldaqstant, kompla jtaffi t-tamiet li l-esportaturi ewlenin taż-żejt fid-dinja se jikkooperaw f’xi impenn biex tonqos il-produzzjoni.

Skont l-analisti mal-Bank tal-Investimenti ta’ Barclays, ir-rapport dwar il-livell tad-domanda għaż-żejt fl-Istati Uniti u ċ-Ċina jindika li ‘din qalbet sew għall-agħar’.

Id-domanda mill-Istati Uniti għall-prodotti taż-żejt għax-xahar ta’ Jannar naqset bi kważi 4 fil-mija meta mqabbla mas-sitwazzjoni f’Jannar tal-2015. Fl-istess ħin, l-analisti huma pessimisti li d-domanda għaż-żejt mill-Istati konsumaturi ewlenin tista’ taqbad spinta partikolari fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.

Il-pessimiżmu hu, fost oħrajn, dovut għall-indikazzjonijiet li l-produzzjoni taż-żejt f’suq li għandu diġà aktar riżorsi milli jiflaħ għalihom, għandha tkompli fuq ritmu ‘rampanti’.

Sorsi qrib Wood Mackenzie, l-entità rinomata ta’ konsulenti fis-settur tal-enerġija, fakkru li mindu l-prezzijiet taż-żejt globali qabdu t-triq għan-niżla wara Lulju tal-2014, ftit kienu l-każi – ħlief għal xi okkażjonijiet rari – fejn il-produzzjoni ħadet in-nifs.