Lokali

Il-prezzijiet tal-fuel f’Malta baqgħu fost l-ogħla fl-Ewropa – PN

Minkejja l-ħafna wegħdi ta’ Joseph Muscat, is-sewwieqa Maltin u Għawdxin baqgħu jħallsu fost l-ogħla prezzijiet tal-fuel fl-Ewropa. Il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin ilhom iħallsu fost l-ogħla prezzijiet fl-Ewropa għal dawn l-aħħar 20 xahar. Dan hu l-impatt li qed isofru l-Maltin u l-Għawdxin mill-korruzzjoni li fniet il-Gvern ta’ Muscat.

Fi stqarrija ffirmata mix-Shadow Minister Marthese Portelli, il-Partit Nazzjonalista qal li l-prezz tad-diesel f’Malta mhux biss hu ferm għola mill-medja tal-Unjoni Ewropea iżda hu s-6 l-ogħla fost it-28 pajjiż tal-Unjoni Ewropea. Il-prezz f’Malta hu ta’ €1.16 għal kull litru, meta pajjiżi oħra, bħal-Lussemburgu, l-Bulgarija, l-Latvja, l-Polonja u l-Litwanja jħallsu anqas minn €1 għal kull litru.

Anke għall-petrol, il-Maltin u l-Għawdxin qed iħallsu ferm aktar mill-prezz li qed iħallsu popli oħra Ewropej. Fil-fatt, dawk li jgħixu l-Bulgarija, l-Polonja, l-Latvja, l-Estonja u r-Repubblika Ċeka, fost l-oħrajn, qed iħallsu aktar minn 20ċ irħas mill-Maltin għal kull litru petrol.

Dan kollu qed iwassal ukoll biex in-numru ta’ dawk fil-faqar f’pajjiżna jkompli jiżdied, tant li kemm ilu Muscat Prim Ministru, dan in-numru żdied b’6,000.

Filwaqt li Muscat għadu qed jiddefendi lil min inqabad li fetaħ kumpaniji sigrieti fil-Panama biex fihom jitfgħu l-miljuni mill-commissions, il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin kienu, u għadhom, iħallsu fost l-ogħla prezzijiet għall-petrol u d-diesel.

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti – kif jagħmlu b’mod regolari membri tas-soċjetà ċivili, bħall-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija u l-GRTU – biex Muscat, Schembri u Mizzi jieqfu jisirqu lill-familji Maltin u Għawdxin, u jraħħsu b’mod immedjat u sostanzjali l-prezzijiet tal-fuel.