Parlament

Il-Prim Ministru ma jgħidx għaliex jibża’ mill-ħin tal-mistoqsijiet

F’intervent li għamel dwar iż-żewġ mozzjonijiet dwar l-ordnijiet permanenti u l-proċedura tax-xogħol tal-Kamra, il-Prim Ministyru Joseph Muscat evita milli jgħid għaliex mhux jaċċetta li darba fil-ġimgħa jkun hemm ħin tal-mistoqijiet diretti lejh. Filwaqt li irribatta għal diversi kummenti tal-Kap tal-Oppożizzjoni, ma lissen l-ebda kelma dwar il-proposta msemmija.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li bis-saħħa tal-maġġoranza kbira li għandu, il-Gvern għażel it-triq li l-emendi jkunu għal sistema aktar flessibbli.

Hu qal li d-diskussjonijiet mal-Oppożizzjoni ilhom sejrin u kien hemm qbil dwar ħafna affarijiet.
Hemm qbil dwar penali ta’ €50 għal membru li ma jattendix bla ġustifikazzjoni. Hemm qbil dwar kumitat dwar il-petizzjonijiet. Hemm qbil ukoll li Ministru ma jistax ikun membru tal-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi jekk is-suġġett trattat jirrigwarda l-ministeru tiegħu.

Il-Prim Ministru qal li l-Parlament qed jiddiskuti żewġ mozzjonijiet. Waħda dwar l-ordnijiet permanenti u oħra dwar proċedura. Fejn hemm qbil se jsiru emendi fl-ordnijiet permanenti. Fejn ma hemmx qbil se jsiru proposti f’mozzjoni ta’ proċedura li jispiċċaw malli tintemm il-leġislatura.

Fil-mozzjoni ta’ proċedura, il-Gvern qed iħares ukoll l-interess tal-Oppożizzjoni billi jikkonċedi li l-laqgħat tal-Ħamis jgħaddu lill-Oppożizzjoni jekk il-Gvern jibqa’ ma jieħux l-opportunità fi żmien tliet xhur.

Joseph Muscat qal li filwaqt li mhux lest li jwaqqaf milli jittieħed il-vot dwar il-mozzjonijiet, lest li jkompli jsiru d-diskussjonijiet. Fejn jintlaħaq qbil, dak li jiġi maqbul ikun inkluż fl-ordnijiet permanenti.

Il-Parlament aġġorna għal nhar l-Erbgħa li ġej.