Lokali

Il-proġett taż-Żonqor issa sar ‘proġett turistiku’

Jekk qatt kien hemm dubju, disa’ xhur wara li tħabbar il-proġett taż-Żonqor, il-Ħadd filgħodu Joseph Muscat kellu jammetti li dan il-proġett hu wieħed turistiku.

Fi stqarrija, b’reazzjoni għad-diskors ta’ Joseph Muscat tal-Ħadd filgħodu fuq One Radio, il-Partit Nazzjonalista qal li Muscat ilu disa’ xhur jiprova jikkonvinċi lill-poplu Malti u Għawdxi li l-proġett taż-Żonqor huwa wieħed edukattiv, tant li prova jagħti l-impressjoni li fl-art verġni taż-Żonqor, se tinbena xi tip ta’ Universita’.

Il-Partit Nazzjonalista qal li din ma kienet xejn għajr gidba għaliex il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Għola ma ħarġet ebda liċenzja għal Universita’. Issa, Muscat saħansitra qed jammetti li l-qerda taż-Żonqor se ssir għal proġett turistiku.

L-istqarrija tfakkar wkoll li bil-proġett taż-Żonqor, Muscat irnexxielu jgħaqqad lil kulħadd kontrieh. Issa, qed jagħmel l-istess bl-iskandlu tal-ksur tal-Kostituzzjoni fil-ħatriet tal-Maġistrati, liema skandlu Muscat dalgħodu għażel li jitfa’ taħt it-tapit u ma jlissinx kelma waħda dwaru minkejja li kien l-iskandlu tal-ġimgħa tant li l-gazzetti indipendenti kollha għandhom stejjer u rapporti dwaru fil-faċċati ta’ quddiem.

Il-Partit Nazzjonalista sahaqa li aktar ma jitkellem Muscat, aktar joħorġu fil-beraħ il-gideb li jirrepeti minn ġurnata għall-oħra. Mhux ta’ b’xejn li kredibilita’ tiegħu tinsab in freefall.