Lokali

Il-Pulizija tinvestiga numru ta’ pisti… fosthom dawk marbuta ma’ negozju

B’idu marbuta u kważi b’fommu mitbugħ għal kollox, l-Assistent Kummissarju Silvio Valletta qajla seta’ jwieġeb mistoqsijiet diretti tal-ġurnalisti dwar id-delitt tal-Avukat Carmelo Chircop li seħħ ilbieraħ filgħodu quddiem il-garaxx tiegħu fi Triq Ġanni Borg f’Birkirkara.Talab l-għajnuna tal-pubbliku biex jekk għandu xi informazzjoni jgħaddiha b’mod kunfidenzjali lill-Pulizija, fosthom dwar karozza żgħira li ftit sekondi wara l-isparaturi telqet mill-post fid-direzzjoni tal-Iskola Primarja.Qal li f’dan l-istadju l-Pulizija ma hi teskludi xejn u sa issa anqas għarfet x’tip ta’ karozza setgħet intużat biex il-qattiel jew aktar telqu mill-post.

Fisser li dan se jkun delitt diffiċli ħafna iżda l-investigaturi diġà bdew ikellmu numru ta’ persuni, fosthom familjari kif ukoll kollegi tal-mejjet, inkluż fil-kumpanija Dingli & Dingli.Żied li l-investigaturi jafu b’numru ta’ xenarji li fihom kien involut l-Avukat Carmelo Chircop, fosthom meta madwar sentejn ilu għamel rapport li kien qiegħed ikun mhedded; dwar involviment f’żewġ kumpaniji li marru l-baħar; dwar pagi pendenti lil numru ta’ ħaddiema; dwar allegat negozju fiż-żejt… Kompla li mill-awtopsja li se ssir illum għandhom joħorġu aktar fatti importanti dwar b’kemm il-tir intlaqat, filwaqt li qal li ma sabu ebda skartoċċ mit-tiri sparati. Temm li l-Pulizija kienet qed teżami filmati minn numru ta’ CCTV cameras, filwaqt li se jissoktaw l-indaġni dwar il-mobile u l-bagalja li kien qed iġorr il-vittma.

Se jissoktaw aktar tfittxijiet fil-garaxx tiegħu u anki f’postijiet oħra bit-tama li l-investigaturi jsibu xi tarf li jkun jista’ jgħinhom fl-istħarriġ. Preżenti għall-istess konferenza tal-aħbarijiet kien hemm l-Assistent Kummissarju Martin Sammut u l-Ispetturi Keith Arnaud mid-DIK u Sandra Zammit mid-Distrett.