Internazzjonali

Il-Qorti tal-UE: Rakkomandazzjoni dwar ix-xalla tar-ras Iżlamika

Konsulenta għall-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea qalet li l-kumpanniji għandhom jitħallew jimponu projbizzjoni għax-xalla tar-ras għall-ħaddiema Iżlamiċi. Iżda l-konsulenta Juliane Kokott, li hi l-avukat ġenerali tal-Qorti tal-UE, sostniet wkoll li dan għandu jsir biss bħala parti minn projbizzjoni ġenerali għal simboli reliġjużi u politiċi.

Ix-xalla tar-ras (headscarf) Iżlamika hi kwistjoni polemikuża f’numru ta’ pajjiżi Ewropej, b’mod partikulari Franza, li tagħti importanza lis-separazzjoni tal-Istituzzjoniijiet reliġjużi minn dawk tal-Istat. Dan meta huma effettivi mandati ta’ projbizzjoni għax-xalla fi skejjel u istituzzjonijiet pubbliċi fi Franza u l-Belġju.

Din hi l-ewwel darba li l-ogħla qorti fl-Ewropa qed titratta każ dwar il-projbizzjoni tax-xalla wara li dan kien irreferut lilha minn qorti Belġjana li kienet tressqitilha talba għal kumpens mingħand mara li tkeċċiet mix-xogħol talli libset ix-xalla Iżlamika. Il-kumpannija li kienet impjegata magħha din il-mara timponi projbizzjoni ġenerali għall- ilbies li jwassal xi messaġġ reliġjuż jew politiku.

Intant, il-qorti Belġjana talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea biex tiddeċiedi jekk ix-xalla tabbużax liġi tal-UE li ma tippermettix diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon.

Ir-rakkmandazzjoni tal-avukat ġenerali tal-UE mhix waħda li torbot, iżda l-Qorti Ewropea, is-soltu, timxi fuq il-pariri tal-konsulenti. Mistenni li l-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea toħroġ il-verdett din is-sena, bil-qorti Belġjana għandha tiddeċiedi dwar il-każ dritt wara.