Lokali Qorti

Il-Qorti tiddikjara li isem Emmanuel Camilleri għandu jitneħħa mir-Reġistru tal-Pedofelija

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili Sede Kostituzzjonali ddeċidiet li żewġ sentenzi ta’ Qrati tal-Maġistrati fil-konfront ta’ Emmanuel Camilleri jiġu ddikjarati invalidi, wara li dawn kienu bbażati fuq xhieda ddikjarata falza mogħtija minn bintu, kif ukoll li isem Camilleri jinqata’ minn fuq ir-Reġistru tal-Pedofoli.

Il-każ wasal fl-aħħar stadju legali fil-battalja ta’ Emmanuel Camilleri, li kien skonta sentenza ta’ ħabs wara li bintu xehdet falz kontrih.

Is-sentenza ngħatat mill-Imħallef Joseph R. Micallef fil-kawża li Camilleri fetaħ kontra l-Ispettur tal-Pulizija fil-każ Louise Calleja u kontra l-Kummissarju tal-Pulzija. Minbarra li trattat il-kwistjoni tas-sentenzi mogħtija mill-Qrati tal-Maġistrati u tal-Appell, il-Qorti Kostituzzjonali tat ukoll deċiżjoni dwar talbiet oħra li ressaq Camilleri, fosthom dwar smigħ xieraq u kumpens.

Il-Qorti ddikjarat li fil-proċeduri, Camilleri kellu smigħ xieraq u li l-Ispettur fil-każ imxiet bil-galbu li jitlob każ delikat bħal dan. Il-Qorti sostniet li minkejja x-xiljiet li saru fil-konfront tagħha, l-Ispettur Calleja tat it-twissijiet kollha f’waqthom dwar il-konsegwenzi ta’ xhieda mhux minnha.

Dikjarazzjoni oħra tal-Qorti kienet li kull meta nqalgħu kwistjonijiet jew saru talbiet biex toħroġ il-verità, l-Ispettur ikkollaborat u għamlet il-parti tagħha.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti daħlet fid-dettal, fosthom dwar l-akkużi li bint l-akkużat – Leanne Camilleri – għamlet fil-konfront tiegħu dwar allegati abbużi sesswali, kif ukoll dwar iċ-ċaħdiet li dejjem għamel il-missier.

F’Settembru 2011, il-Qorti tal-Maġistrati sabet lil Camilleri ħati tal-abbuż fuq bintu u kkundannatu 24 xahar ħabs, bis-sentenza kienet ikkonfermata mill-Qorti tal-Appell f’Mejju 2013.

Quddiem din is-sitwazzjoni, l-Avukat ta’ Camilleri kiteb lil bintu Leanne biex jappellalha tgħid il-verità. F’Novembru 2013, Emanuel Camilleri ppreżenta Kwerela lill-Pulizija biex jittieħdu passi kontra bintu dwar xhieda falza.

Fi Frar 2014, infetħet Inkjesta Maġisterjali li fiha, taħt ġurament, Leanne Camilleri għall-ewwel darba sostniet li ma kienx minnu li missierha abbużaha.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti Kostituzzjonali ħassret iż-żewġ sentenzi preċedenti minħabba li dawn kienu bbażati fuq xhieda falza ta’ bint l-akkużat. Min-naħa l-oħra, il-Qorti ma laqgħetx l-ilment ta’ Camilleri dwar il-ksur tal-jedd tiegħu għall-ħajja privata u l-privatezza, filwaqt li ma laqatx lanqas it-talba tiegħu għal kumpens ta’ €400,000.

L-ebda wieħed mill-persuni li Camilleri fetaħ kawża kontrih ma kien responsabbli għal dak li hu għadda minnu, sostniet il-Qorti Kostituzzjonali, li kkonkludiet ukoll li dak li seta’ ġarrab Camilleri kien ir-riżultat dirett tal-għemil li għamlet bintu, li xehdet falz kontrih.

Għal Emanuel Camilleri deher l-Avukat Tonio Azzopardi, filwaqt li għall-Ispettur Louise Calleja dehru l-Avukati Kathleen Grima, Arthur Azzopardi u Stephen Tonna Lowell.