Lokali

Il-Qtil tal-Avukat Chircop : Tfittxija intensiva fil-garaxx fejn sar id-delitt

Matul is-sigħat li għaddew il-Pulizija tad-Dipartiment Investigazzjonijiet Kriminali (DIK) komplew bl-istħarriġ tagħhom dwar id-delitt tal-bieraħ filgħodu f’Birkirkara fejn l-Avukat Carmelo Chircop inqatel b’mill-inqas żewġ tiri ta’ pistola minn distanza fil-viċin.

Hu nqatel hekk kif daħal fil-kumpless ta’ garaxxijiet li hemm fi Triq Ġanni Borg f’Birkirkara. Il-garaxx tal-Avukat Carmelo Chircop jinsab fl-ewwel sular hekk kif tidħol f’dan il-kumpless fuq ix-xellug tiegħu.

Jistennih fil-viċinanzi fl-istess daħla tal-kumpless tal-garaxxijiet kien hemm il-qattiel/qattiela tiegħu li ħasduh u qatluh.
Il-Pulizija fis-sigħat li għaddew, mgħejjuna wkoll minn membri tal-Forensika, għamlu tiftix estensiv f’din il-blokka bini, l-aktar fil-garaxx tal-istess Avukat Carmelo Chircop fejn kellu pparkjata l-karozza Mercedes li wkoll intlaqtet bit-tiri sparati.