Lokali

Il-UĦM tesprimi tħassib dwar l-aħħar żviluppi b’rabta mat-Tribunal Industrijali

Fi stqarrija UĦM Voice of the Workers qalet li tinstab mħassba bl-aħħar żviluppi b’rabta mat-Tribunal Industrijali. Il-UĦM Voice of the Workers qalet li d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell li kkonfermat sentenza li fiha l-qorti ddikjarat li l-kompożizzjoni tat-Tribunal Industrijali tmur kontra l-kostituzzjoni qegħda titfa’ dell ta’ inċertezza fuq id-drittijiet tal-impjegati, fosthom id-dritt li jfittxu rimedju legali quddiem it-tribunal kompetenti.

Fl-istqarrija l-UĦM spjegat li minkejja r-rapporti fil-media li l-gvern kien talab lill-Avukat Ġenerali sabiex jemenda l-liġijiet relevanti għadu mhuwiex ċar jekk il-kawżi pendenti humiex sospiżi jew le. L-istess stqarrija esprimiet tħassib dwar x’konsegwenzi jista’ jkun hemm b’rabta ma’ sentenzi deċiżi min dan it-tribunal fl-aħħar snin.

Il-union qalet li dan kollu juri biċ-ċar li l-gvern missu ilu li ħa ħsieb din is-sitwazzjoni hekk kif ilu xhur sħaħ konxju minn din is-sitwazzjoni. “Il-gvern missu bassar din is-sitwazzjoni u ħa l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jevita din is-sitwazzjoni ta’ inċertezza li s-settur qiegħed jiffaċja llum” saħaq is-CEO ta’ UĦM Voice of the Workers Josef Vella.

L-istqarrija kwotat ukoll lill-Avukat Andrew Grima li tkellem dwar numru ta’ diffikultajiet legali li din is-sitwazzjoni tikkawża.