Lokali

Il-UHM tordna azzjonijiet industrijali fil-Qorti

Il-UHM Voice of the Workers qed tordna azzjonijiet industrijali fil-Qorti wara li ma rċeviet l-ebda tweġiba għal proposti li ressqet dwar il-ħaddiema li jaħdmu bħala Marixxalli u Purtiera fil-Qorti.

 

Il-UHM Voice of the Workers qed tordna li ma jsir l-ebda xogħol b’rabta ma’ mandati ta’ inibizzjonijiet ġodda. Dawn l-azzjonijiet se jidħlu fis-seħħ minn nhar it-Tlieta 4 ta’ Ottubru.

 

Fi stqarrija il-UHM Voice of the Workers fakkret li hija kienet ipproponiet li jkun hemm ħlas ta’ allowance li jikkumpensa għall-ħinijiet addizzjonali li jinħadmu wara l-ħin tax-xogħol kif ukoll li l-ħlas għan-notifika bil-purtier wara l-ħin legali jiżdied.  L-union kienet tat ultimatum ta’ tweġiba mill-amministrazzjoni tal-Qorti sa nhar l-Erbgħa 28 ta’ Settembru.

 

Minħabba li din ir-risposta ma ngħatatx saż-żmien stipulat l-Union qed tordna azzjonijiet industrijali.

 

Il-UHM Voice of the Workers qed tirriżerva d-dritt l-jedd li jekk ikun meħtieġ fiż-żmien li ġej tagħti aktar direttivi għal aktar azzjonijiet industrijali sabiex taċċerta li tkun qed tħares l-interessi ta’ dawn il-ħaddiema.