Lokali

Il-UĦM Voice of the Workers tingħata r-rikonoxximent mill-Management tal-Freeport

Il-UĦM Voice of the Workers ingħatat ir-rikonoxximent ewlieni biex tirrappreżenta u tinnegozja f’isem il-‘general workforce’ tal-Freeport.

Fi stqarrija, filwaqt li laqat l-aħbar tar-rikonoxximent, il-Union qalet li rċeviet ittra mid-Direttur tar-Riżorsi Umani, tal-Health & Safety u tal-Kwalità fi ħdan il-Freeport, fejn kien spjegat li l-għoti tar-rikonoxximent sar wara li l-Management mexxa skont ir-rapport tad-Dipartiment tax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali (DIER) bir-riżultat tal-elezzjoni li saret fil-Freeport stess it-Tnejn u t-Tlieta li għaddew.

Fir-rapport ħareġ biċ-ċar li minn din il-votazzjoni, il-UĦM Voice of the Workers kisbet 275 vot, filwaqt li l-GWU kisbet 254 vot. Il-Union fakkret li kienet il-Verification Panel għan-nom tad-DIER li ħareġ b’dan ir-riżultat u għalhekk ikkonferma dak li kienet ħabbret il-Union stess f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata barra l-Freeport.

Fl-istqarrija, il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers Josef Vella qal li l-ħaddiema esprimew ruħhom u reġgħu taw fiduċja lill-Union. F’dan l-istadju, il-Union se tkun qed tara li n-negozjati ma jdumux aktar minn tliet xhur.