Lokali

Il-UĦM Voice of the Workers tirbaħ lura l-Freeport wara 334 ġurnata

F’inqas minn sena, il-UĦM Voice of the Workers rebħet lura r-rikonoxximent fil-Freeport. Dan tħabbar mill-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Josef Vella f’konferenza tal-aħbarijiet, hekk kif ħareġ ir-riżultat uffiċjali. Fil-fatt, ivvutaw 533 ħaddiem mill-575 eliġibbli u minn dawn, 52% ivvutaw favur il-UĦM.

Josef Vella rringrazzja lill-ħaddiema li rritornaw il-fiduċja tagħhom fil-UĦM 334 ġurnata wara li kienet tilfet ir-rikonoxximent fl-istess Freeport. Hu qal li dan ir-riżultat hu l-bidu tal-ħidma tal-Union f’dan il-post tax-xogħol, filwaqt li ħeġġeġ lill-Management tal-Malta Freeport biex jagħtiha r-rikonoxximent mingħajr dewmien.

Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers wiegħed li bħalma ġara fil-Malta Public Transport, il-Union se tippreżenta ftehim kollettiv ġdid fi żmien tliet xhur, b’titjib fil-pagi u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol. Fil-fatt, il-Union mistennija tressaq ftehim kollettiv ġdid għall-approvazzjoni tal-ħaddiema tal-Malta Public Transport fil-jiem li ġejjin.

Filwaqt li rringrazzja lill-ħaddiema li mill-ġdid taw il-fiduċja tagħhom fil-UĦM, Josef Vella rringrazzja wkoll lill-Uffiċjali fl-istess Union, b’mod partikolari fit-Taqsima Port u Trasport.