Internazzjonali

Il-virus taz-Zika ddikjarat bħala emerġenza globali

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) wissiet li marda konnessa mal-virus taz-Zika qed timponi emerġenza globali fis-settur tas-saħħa pubblika u li tirrikjedi reazzjoni fuq livell ‘konġunt u internazzjonali’. L-allert tal-WHO poġġiet liz-Zika fl-istess ‘kategorija ta’ tħassib’ bħall-Ebola, li jfisser li se tingħata spinta lill-impenji għal riċerka u għajnuna, bħala parti mill-programm li jikkumbatti l-virus.

L-infezzjoni miz-Zika hi marbuta mal-każi ta’ microcephaly, fejn it-trabi jitwieldu b’moħħ mhux żviluppat. L-esperti qed jinkwetaw li l-virus, li jinġarr min-nemus, u li feġġ fl-Amerika Latina, qed jiċċirkola b’ritmu mgħaġġel u b’konsegwenzi diżastrużi.

Id-Direttur Ġenerali tal-WHO, Margaret Chan, fissret iz-Zika bħala ‘avveniment straordinarju’ li l-pajjiżi jridu jwieġbu għalih b’mod koordinat.

Minn Ottubru’l hawn kien hemm madwar 4,000 każ irrappurtat tal-microcephaly fil-Brażil. Intant, il-President tal-Brażil, Dilma Rousseff awtorizzat lill-ispetturi tas-saħħa u s-sanità biex, jekk neċessarju, jużaw il-forza biex jiksbu aċċess għall-bini privat. Dan bħala parti mill-isforzi tal-Gvern biex jelimina s-sorsi fejn jista’ jgħammar in-nemus, meta ’il fuq minn 200,000 suldat se jkunu qed jappoġġjaw l-ispezzjonijiet fil-Brazil.

L-awtoritajiet fil-Brażil, madankollu, sostnew li m’hemm l-ebda ċans li jitħassru l-Olimpjadi ta’ Rio (li jsiru f’Awwissu) b’kaġun taz-Zika. Huma qalu li, fiċ-ċirkustanzi, ma jeżistix sogru għall-atleti u l-ispettaturi, it-twissija hi valida fir-rigward tan-nisa tqal.