Internazzjonali Saħħa

Il-virus taz-Zika għandu potenzjal li jiżviluppa f’pandemija

Numru ta’ xjenzati Amerikani ħeġġew lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) biex tieħu azzjoni urġenti fil-konfront tal-virus taz-Zika, li, skont huma, ‘għandu l-potenzjal li jinfirex b’mod allarmanti fuq il-livell ta’ pandemija’.
Ix-xjenzati, li kitbu f’ġurnal mediku tal-Istati Uniti, sejħu biex il-WHO ‘titgħallem mil-lezzjonijiet tal-virus tal-Ebola’ u tlaqqa’ b’urġenza kumitat tal-esperti dwar il-mard.
Qed jingħad li tilqima għal kontra z-Zeka tista’ tkun lesta għall-provi fi żmien sentejn, iżda kapaċi jgħaddu sa għaxar snin sakemm din it-tilqima tkun lesta biex tingħata lin-nies.
Il-virus inkwistjoni – relatat għal kundizzjoni fejn it-trabi jitwieldu b’moħħhom mhux żviluppat – diġà ħoloq paniku fil-Brażil, fejn feġġew numru allarmanti ta’ każi. Eluf ta’ nies spiċċaw infettati f’dan il-pajjiż, biz-Zika tinfirex ukoll għal madwar 20 Stat.
Ix-xjenzati Daniel R. Lucey u Lawrence O Gostin kitbu fil-‘Journal of the American Medical Association’ u qalu li n-nuqqas, min-naħa tal-WHO, li tittieħed azzjoni bikrija waqt il-kriżi riċenti tal-Ebola, x’aktarx li ssarraf f’eluf ta’ mwiet fiz-zoni tal-infezzjoni.
Huma wissew li kapaċi tiżviluppa katastrofi simili dwar il-virus taz-Zika f’każ li ma titteħidx azzjoni malajr fiċ-ċirkustanzi.
Skont Lucey u Gostin, għandu jiltaqa’ mill-aktar fis Kumitat ta’ Emerġenza li jagħti pariri lid-Direttur-Ġenerali ‘dwar il-kundizzjonijiet neċessarji għad-dikjarazzjoni ta’ Emerġenza tas-Saħħa Pubblika fuq Livell Internazzjonali’. Għaldaqstant, il-proċess intiż biex jiltaqa’ dan il-Kumitat għandu jixpruna impenji għall-fondi u r-riċerka waqt li l-komunità internazzjonali tikkonċentra fuq dak kollu li jrid isir fiċ-ċirkustanzi.
Għalissa ma teżisti l-ebda kura għall-virus taz-Zika meta bħalissa, xjenzati mat-Taqsima Medika tal-Università ta’ Texas qegħdin jaħdmu fuq tilqima effettiva.