L-aħbar tad-delitt ta’ Eleanor Mangion Walker tkompli tiżvolġi, hekk kif matul il-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd l-omm instabet mejta, wara li nqatlet, f’maħżen f’Ħal Qormi. L-ewwel suspetti tal-Pulizija waqgħu fuq l-eks raġel tal-vittma, Andrew Mangion, fejn il-Pulizija għadha qed tfitxu.
Skont rapporti li waslu lil dan is-sit, Eleanor Mangion Walker u Andrew Mangion, li żżewġu fl-2009, waqqfu r-relazzjoni tagħhom diversi snin ilu. Minkejja li r-relazzjoni tagħhom waqfet, il-koppja baqgħu jgħixu taħt l-istess saqaf fir-residenza matrimonjali tagħhom. Il-vittma f’dan id-delitt, għal dawn l-aħħar xhur kellha relazzjoni ma’ terza persuna.
Net News tkellem mal-mahbub ta’ Eleanor Mangion Walker, fejn stqarr li l-aħħar kuntatt mal-vittma sar is-Sibt filgħodu, hekk kif il-vittma ħarġet tiekol miegħu f’restaurant f’Buġibba, kif jixhed il-profil tal-Facebook ta’ Eleanor Mangion Walker stess, u wara raqdet għand l-istess maħbub. Hu stqarr li f’dak l-aħħar lejl flimkien, huma leħqu pjanaw kif kien se jqattaw il-ġimgħa ddieħla flimkien. Skont Ricky Pace, is-sieħeb tal-vittma, is-Sibt filgħodu kellu kuntatt ma’ Eleanor Mangion Walker fejn bagħtu numru ta’ messaġġi, sakemm f’ħin minnhom il-vittma ma baqgħetx tibgħat lura. Emozzjonat, Ricky Pace stqarr li hemmhekk kien il-mument li qalbu ħebbritu li hemm xi ħaġa mhux normali, għax Eleanor dejjem kienet tikkuntattjah lura mal-ewwel.
Sorsi oħra li tkellmu ma’ netnews.com.mt qalu li r-rapport anonimu tan-nuqqas tal-omm, sar lill-Pulizija il-Ħadd filgħodu, fejn aktar tard għall-ħabta tad-9.30pm waslet informazzjoni oħra lill-Pulizija li kien hemm katavru f’żona industrijali f’Ħal Qormi, li aktar tard kien konfermat li kien dak ta’ Eleanor Mangion Walker.
Dan ifisser, li Eleanor Mangion Walker ma dehritx sa għall-ġurnata sħiħa tas-Sibt. Sadanittant, minkejja li l-omm instabet mejta, u l-missier Andrew Mangion għadu ma nstabx biex jgħin fl-investigazzjonijiet, it-tifla tal-koppja, ta’ disa’ snin,qed tgħix għand waħda min-nanniet.
Matul l-investigazzjoni tal-Pulizija, rapporti fil-media stqarru li llum wara nofsinhar, instab katavru ieħor fuq yacht f’San Ġiljan. Minkejja dan għad m’hemm l-ebda konferma tal-identita’ tal-persuna li nstabet. Sorsi oħra li nfurmaw lil netnews.com.mt qalu li ftit tal-ġranet qabel intilef il-kuntatt mal-vittma, ir-raġel Andrew Mangion, qal lil vittma li kien qed jippjana beix joħroġ dawra bid-dgħajsa.
Is-sieħeb ta’ Eleanor Mangion Walker, li allegatament miegħu sar l-aħħar kuntatt rrapurtat, fuq Facebook stqarr li m’għandux kliem għal dak li seħħ għall-maħbuba tiegħu. Sorsi infurmaw lil netnews.com.mt, illi Eleanor Mangion Walker u l-maħbub tagħha kienu ilhom f’relazzjoni għal ftit xhur biss u jaħdmu mal-istess kumpanija.