Lokali Qorti

Il-vittma tal-inċident tas-Sibt akkużat fil-Qorti

Il-Libjan ta’ 25 sena li nhar is-Sibt spiċċa ġarrab ġrieħi sostanzjali b’daqqiet ta’ arma bil-ponta, tressaq il-Qorti llum akkużat li pprova jferi b’mod gravi lil ħaddieħor.

Fuq siġġu tar-roti u viżibilment muġugħ, Wades Al Maghrbi wieġeb li mhux ħati li pprova jferi lil Zouhir Elfezqa, li darbu bi strument bil-ponta, li heddu u li kien fil-pussess ta’ arma.

L-inċident tas-Sibt seħħ għall-ħabta tat-8.30am f’residenza fi Triq is-Sidra fis-Swieqi, waqt argument dwar ir-rivalità politika taż-żewġ gvernijiet fil-Libja. L-akkużat, li għandu protezzjoni umanitarja, laqqat daqqiet b’arma f’siequ u ntlaqtet arterja tant li għall-ewwel ħin wara l-inċident, kien meqjus f’kundizzjoni kritika.

Zouhir Elfezqa tressaq il-Qorti b’urġenza l-Ħadd, akkużat b’attentat ta’ qtil u li darab serjament lil-Libjan l-ieħor. Mohammed Abdul Hafid Abukem ukoll tressaq il-Qorti b’diversi akkużi fosthom li darab b’mod gravi lil Efezqa, li żammu kontra r-rieda tiegħu u li kien qed iġorr sikkina meta ma kellux liċenzja għaliha.

Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispetturi Elton Taliana u James Grech, oġġezzjonaw għal-libertà proviżorja u saħqu li għalkemm ir-raġel kien il-vittma, kien armat biex jattakka lil oħrajn waqt li ħbieb ir-raġel ippruvaw jinfluwenzaw xhud biex ibiddel il-verżjoni tal-fatti. Fil-każ għad iridu jixhdu xhieda oħra.

L-avukat tad-difiża, Gianluca Caruana Curran, oġġezzjona bil-qawwa u saħaq li r-raġel kien għadu muġugħ ħafna u esprima t-tama li jinżamm l-isptar.

Il-Maġistrat Joe Mifsud ordna li l-akkużat jinżamm arrestat u appella lid-Direttur tal-Ħabs biex jappunta tabib li jarah u jara li jingħata t-trattament neċessarju. Il-Maġistrat saħaq ukoll li kunflitti minn pajjiżi oħra m’għandhomx jiġu impurtati f’Malta u li inċidenti bħal dawn jitfgħu dawl ikrah fuq ir-refuġjati. Insista li f’każ ta’ kunflitt, wieħed għandu jsegwi dak li tgħid il-liġi u mhux ir-regoli tal-ġungla.