Lokali

Il-vittma tal-isplużjoni tal-bieraħ għadu fil-periklu li jitlef ħajtu, ma kellux passat magħruf mill-Pulizija

Għadu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva r-raġel li lbieraħ filgħaxija safa fil-mira ta’ bomba li kienet imwaħħla taħt il-vann u li splodiet waqt li kien għaddej fit-traffiku fi Triq Aldo Moro fil-Marsa. Il-vittma, Joseph Cassar ta’ 36 sena minn Ħal Qormi, jidher li tilef saqajh it-tnejn.

Il-mod kif kienet impoġġija l-bomba kienet turi b’mod ċar li min għamel l-isplussiv ried li joqtol lix-xufier. Is-sorsi li tkellmu ma’ NETnews.com.mt spjegaw kif kien hemm toqba kbira taħt is-seat tax-xufier, filwaqt li l-parti fejn hemm l-isteering kienet imċarrta kollha.

Fortunatament, il-passiġġier li kien fil-vann mal-vittma u s-sewwieq tal-karozza tat-tip Opel li kienet għaddejja mill-qrib ġarrbu biss feriti ħfief. Is-sorsi saħqu li l-vittma m’għandux xi passat magħruf mill-Pulizija. Spjegawlna li xogħol Cassar hu burdnar, filwaqt li għandu wkoll kumpanija tas-siment.

L-investigazzjonijiet fil-post baqgħu għaddejin sa tard filghaxija, b’Uffiċjali mill-Armata u mill-Korp tal-Pulizija baqgħu jfittxu fil-post għal kull evidenza possibbli li tista’ twassal biex ikunu identifikati l-persuni wara dan l-attentat.