Lokali

Il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista hi li l-ekonomija tkun għan-nies u b’dinjità lill-ħaddiema

Il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista hi li l-ekonomija tkun għan-nies, u tirrifletti l-aspirazzjonijiet tal-poplu Malti u Għawdxi, waqt li fl-istess ħin, tiggarantixxi li l-ħaddiema jkollhom id-dinjità li jixirqilhom.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt li kien qed jindirizza l-konferenza ‘Dinjità lill-Ħaddiem’, fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem. Simon Busuttil irrefera għal statistika lokali li turi li l-paga reali ta’ madwar 78,000 ħaddiem naqset fl-aħħar tliet snin. L-aktar ħaddiema li l-paga tagħhom tirrifletti dan it-tnaqqis huma dawk li jaħdmu fl-uffiċini, fil-fabbriki, fil-manifattura, kif ukoll fil-ħwienet.

Hu sostna li d-differenza bejn il-politika tal-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista hija ċara: filwaqt li għall-Partit Laburista, l-importanti hu li jkun hemm ekonomija b’saħħitha, għall-Partit Nazzjonalista, l-importanti hu li l-ekonomija tkun hemm għan-nies.

Simon Busuttil qal li meta l-bniedem tneħħilu d-dinjità, ma tkun ħallejtlu xejn. Hu sostna li dak li qed jiġri bħalissa huwa daqqa ta’ ħarta kbira għad-dinjità mhux biss tal-ħaddiema, iżda tal-poplu Malti u Għawdxi kollu. Hu rrefera għall-għażla tal-Prim Ministru li flok ikeċċi lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi, qal li għandu fiduċja fihom u lil Konrad Mizzi saħansitra poġġieh bħala Ministru f’Kastilja.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera wkoll għall-kummenti li għadda l-Ministru ta’ Kastilja Konrad Mizzi li wera kemm jiġi jaqa’ u jqum minn-nies u mid-dinjità tagħhom. Hu sostna li Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri, flok jagħtu eżempju tajjeb lin-nies, qed jagħtu l-agħar eżempju lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

Simon Busuttil qal li bħalissa l-Partit Nazzjonalista għaddej minn proċess ta’ konsultazzjoni dwar id-dokument ‘Ekonomija għan-Nies’, u se jkun qed jispjega kif il-Partit Nazzjonalista huwa Gvern alternattiv li kapaċi jiddiversifika l-ekonomija, joħloq niċeċ ġodda, u jkompli jinvesti fil-ħilijiet tan-nies bl-edukazzjoni u t-taħriġ.