Lokali Parlament

Il-Whip tal-Gvern jiddikjara li ma jaqbilx mar-ruling tal-Ispeaker

Godfrey Farrugia jivvota favur l-emenda tal-Gvern anke jekk ma jaqbilx mar-ruling tal-Ispeaker

Id-Deputat Laburista Godfrey Farrugia u l-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista ddikjara fil-Parlament li ma kienx jaqbel mar-ruling tal-Ispeaker meta tratta bl-istess mod l-aġir tad-Deputat Laburista Joe Debono Grech u tad-Deputat Indipendenti Marlene Farrugia.

Qabel ittieħed il-vot dwar il-mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni u l-emenda imressqa mill-Gvern, Godfrey Farrugia qal li hu kien jaqbel mal-emenda tal-Gvern wara li ħa inkunsiderazzjoni l-ittra ta’ apoloġija li ppreżenta Joe Debono Grech.

Hu qal li kien qed jivvota favur l-emenda anke jekk ma kienx jaqbel mar-ruling tal-Ispeaker.

Meta ġie biex jittieħed il-vot, Marlene Farrugia talbet li dan issir permezz ta’ dikjarazzjoni u kull Membru jqum bilwieqfa fid-dikjarazzjoni tal-vot tiegħu. Min-naħa tal-Gvern ma kienx hemm qbil dwar din il-proċedura u għalhekk il-vot sar bil-mod normali bis-sejħa tal-ismijiet tal-membri u l-vot dikjarat skont il-linji tal-partit.
Id-Deputat Laburista Joe Debono Grech għażel li ma jkunx preżenti għad-dibattitu u lanqas għall-vot.
L-emenda tal-Gvern u l-mozzjoni kif emendata għaddew b’35 vot favur u 28 vot kontra.