Lokali

Ilhom erba’ xhur jistennew benefiċċji mwegħda mill-Gvern stess

Koppja b’żewġt itfal ilhom erba’ xhur jistennew żewġ ċekkijiet ta’ Benefiċċji għax-Xogħol li l-Gvern stess kien wiegħed li se jibgħat kull tliet xhur lill-koppji li ma jaqilgħux aktar minn 18,000 ewro fis-sena.

Kien il-missier tal-familja stess li għamel kuntatt ma’ NETnews biex jispjega l-mod kif qed jiġu trattati mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. Qal li l-ewwel skuża li ġabulu kienet li ddepożita d-dokumenti tiegħu tard.

Madankollu, hu ċaħad din l-akkuża għax spjega li fil-fatt wassal id-dokumenti ġimgħa qabel l-għeluq tal-applikazzjonijiet … jiġifieri fit-23 ta’ Marzu, bl-applikazzjonijiet jagħlqu fit-30 ta’ Marzu.

Minn hawn ‘il quddiem, kompla jispjegalna l-missier ta’ din il-familja, kulfejn mar u ċempel dejjem irċieva tweġiba li għad hemm ammont kbir ta’ xogħol b’lura minħabba li d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali għamel xi żmien bi problemi tekniċi fis-sistema kompjuterizzata.

Fl-aħħar tweġibiet li ngħataw, il-koppja ġiet mgħarrfa li l-karti nħadmu. Madankollu, minkejja li għaddew tliet ġimgħat minn meta ngħataw din it-tweġiba, huma għadhom ma rċievew l-ebda wieħed miċ-ċekkijiet li suppost irċievew s’issa.

Ma’ NETnews, hu stqarr ukoll li f’dawn il-jiem ipprova jagħmel ukoll kuntatt mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru wara li segwa laqgħat tal-Gvern bit-tema ta’ “Gvern li Jisma'” u emmen li almenu se jsib l-għajnuna minn Kastilja.

Madankollu, hu spjegalna li l-unika tweġiba li ngħata minn wieħed mill-Assistenti Personali tal-Prim Ministru Joseph Muscat kienet biss li minn Kastilja m’għandhomx x’jaqsmu mad-Dipartimenti.