Internazzjonali

Imfakkra l-100 sena mill-Battalja ta’ Verdun

Il-President Franċiż, Francois Hollande u l-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, illum fakkru l-100 anniversarju tal-Battalja ta’ Verdun, li kienet l-itwal battalja tal-Ewwel Gwerra Dinjija, u li fiha kienu mietu mijiet ta’ eluf ta’ suldati Franċiżi u Ġermaniżi.

Kienu l-Franċiżi li ħarġu rebbieħa mill-ġlied qalil li dam għaddej għaxar xhur f’din il-belt, li tinsab fil-Grigal ta’ Franza. Iżda illum, Verdun qed iservi bħala simbolu tar-rikonċiljazzjoni bejn Franza u l-Ġermanja, b’Hollande u Merkel jenfasizzaw dan waqt diskorsi għall-anniversarju.

Iċ-ċerimonji bdew bi żjara ta’ Hollande u Merkel fiċ-ċimiterju militari tal-Ġermanja f’Consenvoye, lejn it-Tramuntana ta’ Verdun, fejn jinsabu midfuna madwar 11,000 suldat Ġermaniż. Il-Mexxejja, imbagħad, attendew ċerimonja fis-sala ewlenija ta’ Verdun u Merkel, waqt diskors, qalet li ‘huma biss dawk li jafu l-passat li kapaċi jieħdu lezzjoni u jibnu futur aħjar’.

Hi tkellmet ukoll dwar ir-rikonċiljazzjoni u ħbiberija bejn il-pajjiżi, waqt li l-President Hollande ukoll irrifletta fuq ir-relazzjonijiet bilaterali, fejn tenna li ‘l-preżenza tal-Kanċillier Merkel (fi Franza) uriet li Verdun ma jissimbolizzax it-tbatija iżda t-tama’.

Il-Mexxej Franċiż qal li Verdun, darba, kien il-post ‘fejn l-Ewropa tilfet lilha nnfisha’ iżda din il-belt, mas-snin, irnexxielha ssib l-għaqda u l-paċi fejn illum qed isservi bħala monument għall-ħbiberija bejn Franza u l-Ġermanja.

Iċ-ċerimonja ewlenija tal-anniversarju – karatterizzata b’daqq tal-qniepen tal-knejjes – saret fis-sit ta’ Douaumont, li snin ilu kien iz-zona għall-battalja ta’ Verdun, fejn kien inxtered daqstant demm ta’ suldati. Il-kommemorazzjoni kellha wkoll l-ħsieb ewlieni li teduka liż-żgħażagħ u fiha ħadu sehem eluf ta’ tfal Ġermaniżi u Franċiżi.