Lokali

Imniedi l-Front Favur il-Mina

Twaqqaf uffiċjalment il-Front Favur il-Mina, front minn grupp ta’ studenti għawdxin li fix-xhur li ġejjin se jkunu qed jikkampanjaw favur il-bini ta’ mina bejn Malta u Għawdex.

F’konferenza tal-aħbarijiet f’Sa Maison, l-istudenti preżentaw il-punti li se jkunu qed jinsistu dwarhom hekk kif tibda l-ħidma tagħhom.

Il-front twaqqaf minn Jonathan Mintoff, Maria Cachia, Carla Galea u Beppe Galea. Ma’ Netnews, Beppe Galea spjega kif se tkun iffukata l-ħidma ta’ dan il-front, fuq tlett punti ta’ argument.

Bepp Galea spjega li l-ħidma għal żieda fl-aċċessibiltà għandha tkun mibnija fuq tlett punti, l-ewwel li jkun hemm aċċess dirett bejn Malta u Għawdex b’vapur li jasal saċ-ċentru tal-pajjiż. Bħalissa l-vapur t’Għawdex li jasal Sa Maison jagħmel biss traġitti tal-merkanzija u dan għandu jkun estiż ukoll għal vjaġġi minn individwi.

Galea jkompli jispjega li għandu jkun hemm impenn ukoll sabiex jiġi introdott ‛fast ferry service’ bejn Malta u Għawdex, bil-għan li l-Għawdxin ikunu jistgħu jaslu Malta fl-inqas ħin possibbli.

It-tielet punt li jħares aktar fit-tul huwa l-bini tal-mina bejn Malta u Għawdex li għandu jinbena wara li jsiru l-istudji neċessarji dwar l-impatt tiegħu.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, il-membri tal-Front qalu li hawn 1,700 Għawdxi li qed jistudjaw f’xi waħda mill-istituzzjonijiet edukattivi f’Malta. Dan apparti madwar 3,000 Għawdxi li jaħdmu Malta u jkollhom jaqsmu l-fliegu bil-vapur fuq bażi regolari.

L-istudenti kienu akkumpanjati mix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said. Ma’ dan l-istazzjon, Chris Said spjega li l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista dwar il-mina bejn Malta u Għawdex kienet dejjem konsistenti.

Hu fisser li l-Partit Nazzjonalista kien wiegħed, fil-programm elettorali tal-aħħar elezzjoni ġenerali, li ssir mina taħt l-art bejn Malta u Għawdex u din il-pożizzjoni ma nbidlitx. Dan minkejja li l-Gvern Laburista ħela ż-żmien u l-flus fi studji biex jara jekk kienx vijabbli li jinbena pont minflok mina.

Meta kien qed jitkellem dwar jekk Għawdex jitlifx il-karatteristika tiegħu ta’ gżira jekk tinbena l-mina, Chris Said spjega li kollox jiddependi mid-deċiżjonijiet li jittieħdu. Fisser li saru sfreġji f’Għawdex minħabba nuqqas ta’ deċiżjonijiet tajbin u dan seħħ mingħajr il-mina bejn Malta u Għawdex.

Il-Front Favur il-Mina issa se jkun qed iżid il-kampanja tiegħu biex ikabbar l-għarfien u jilqa’ fi ħdanu aktar attivisti, kemm Għawdxin kif ukoll Maltin, bl-għan ikun li tinħoloq pressjoni akbar biex il-Gvern jimplimenta mill-aktar fiss il-proġett tal-mina bejn iż-żewġ gżejjer.