Internazzjonali

Impenjati għall-paċi fis-Sirja iżda Assad jista’ jaħsibha differenti

Il-potenzi tad-dinja qablu biex jaħdmu lejn tmiem tal-ostilitajiet madwar is-Sirja bil-ħsieb li, fi żmien ġimgħa, jidħol fis-seħħ waqfien mill-ġlied madwar il-pajjiż.

Il-potenzi li jiffurmaw il-Grupp Internazzjonali għall-Appoġġ lis-Sirja ltaqgħu fil-belt Ġermaniża ta’ Munich u kelliema qalu li, irrispettivament mill-iżviluppi, għandha tibqa’ għaddejja xorta l-offensiva kontra l-gruppi tat-terroristi fis-Sirja, li jinkludu l-ISIS.

Sadanittant, il-President Sirjan, Bashar al-Assad, tkellem waqt intervista f’Damasku, bid-dettalji joħorġu ftit sigħat wara l-laqgħa ta’ Munich. Fl-intervista mal-aġenzija AFP, Assad ħalef li ‘jerġa’ jieħu kontroll tas-Sirja sħiħa’ waqt li sostna li l-involviment ta’ pajjiżi oħra fis-Sirja ifisser li ‘soluzzjoni għal pajjiżu se tieħu ftit taż-żmien mhux ħażin’.

Il-ftehim fi Munich jaħseb ukoll biex il-potenzi jaċċelleraw kunsinni tal-għajnuna għas-Sirjani f’sitwazzjoni ddisprata. In-Nazzjonijiet Uniti, intant, kienet qed tittama li tibda twassal l-għajnuna lil xi zoni assedjati fis-Sirja, fi żmien 24 siegħa.

Fl-aħħar sigħat, l-Armata tal-Gvern Sirjan, appoġġjata mill-qawwiet tal-ajru tar-Russja, kompliet tavvanza fuq il-provinċja Sirjana ta’ Aleppo. F’din is-sitwazzjoni, il-qawwiet li jappoġġjaw lill-President Assad qed jheddu li jiċċirkondaw għexieren ta’ eluf ta’ ċivili maqbudin fi bnadi ta’ Aleppo li huma kkontrollati mir-ribelli.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju tal-Istat Amerikan John Kerry ammetta li l-pjan għall-waqfien mill-ġlied fis-Sirja hu wieħed ambizzjuż u jiddependi fuq kemm l-entitajiet involuti fil-konflitt Sirjan jonoraw l-impenji.

Fl-istess ħin, Kerry u l-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, sostnew li dan għadu biss ‘progress fuq il-karta’ meta fadal numru kbir ta’ intoppi qabel jistgħu jirrealizzaw il-paċi fis-Sirja.

Mietu ’l fuq minn 250,000 persuna f’ħames snin ta’ konflitt fis-Sirja, u fejn anki rriżultaw mat-13.5 miljun refuġjat.