Ekonomija Lokali

Impenn mill-PN għal aktar kunsens nazzjonali fuq aktar setturi ekonomiċi

Il-Partit Nazzjonalista hu impenjat li fil-pajjiż ikun hawn aktar setturi ekonomiċi li fuqhom jintlaħaq kunsens nazzjonali fuq l-istess livell tal-kunsens li hawn fuq is-settur tas-servizzi finanzjarji.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil f’diskors irrekordjat f’Konferenza tal-KPMG, li fih qal ukoll li l-Oppożizzjoni tappoġġja lill-Gvern fl-importanza lis-settur finanzjarju, tant li qed tiddefendi lill-industrija Maltija fil-livelli u l-istrutturi kollha.

Simon Busuttil sostna li jixtieq li fil-pajjiż ikun hemm aktar żoni ta’ kunsens nazzjonali, filwaqt li wiegħed li se jkompli jagħmel l-almu kollu tiegħu biex jiżdied dan il-kunsens. Dwar is-servizzi finanzjarji, qal li kemm fl-Erwopa, kif ukoll internazzjonalment, qed ikun hemm aktar pessjoni dwar l-iskrutinju meħtieġ, kemm b’mod ġenerali kif ukoll leġiżlazzjoni tat-tassazzjoni.

Quddiem din is-sitwazzjoni, jeħtieġ li l-operaturi kollha u l-politiċi jingħaqdu flimkien, sostna Simon Busuttil, li kompla li jemmen li għandu jkun possibbli għal pajjiż li jkollu Liġijiet tat-Taxxi li jkunu attraenti għal kulħadd.

Dwar il-kompetizzjoni, anke dik fit-tassazzjoni, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li din hi xi ħaġa pożittiva u tajba, kemm għal Malta, kif ukoll għall-Ewropa.

Filwaqt li tkellem dwar il-ħtieġa ta’ riformi kontinwi fid-diversifikazzjoni, Simon Busuttil sostna li flimkien ma’ dan, għandu jkun hemm id-dinamiżmu u l-ideat differenti. Qal li hu f’dan il-kuntest li l-Partit Nazzjonalista nieda d-dokument dwar l-ekonomija, li jinkludi l-viżjoni tal-Partit għall-ekonomija futura tal-pajjiż.