Internazzjonali Sport

Imut il-boxer leġġendarju Muhammad Ali

Il-boxer leġġendarju, Cassius Clay, magħruf aktar bħala Muhammad Ali miet fl-età ta’ 74 sena wara li kien ilu jiem l-isptar minħabba problemi tan-nifs. Ali kien jinsab fi sptar fil-belt ta’ Phoenix, Arizona fl-Istati Uniti. Għal dawn l-aħħar 32 sena Ali, li hu meqjus bħala l-aqwa boxer li qatt kien hawn fid-dinja, kien qed jissielet kontra l-marda tal-Parkinson’s. Sena ilu, Ali, tliet darbiet champion tad-dinja fil-kategorija heavyweight, kien anke dam xi ftit jiem l-isptar minħabba infezzjoni fil-bużżieqa tal-awrina.

Ali twieled f’Kentucky f’Jannar tal-1942 u beda jipprattika l-boxing meta kien għad kellu 12-il sena. Fl-1964 kien sar champion tal-heavyweight għall-ewwel darba meta dakinhar kien għeleb b’knockot lil Sonny Liston. Dik is-sena stess ikkonverta għall-Iżlam u kien hawn fejn bidel ismu għal Muhammad Ali.

Fis-snin 60 l-karriera ta’ Ali ħadet daqqa ta’ ħarta meta irriffjuta li jifforma parti mill-armata Amerikana li kienet involuta fil-gwerra tal-Vjetnam u ta’ dan kien immultat 10,000 dollaru, mibgħut ħames snin ħabs u sospiż mill-boxing għal tliet snin. Bara minn hekk it-titlu mondjali li kien rebaħ ġie rtirat. Hu ma kienx mar il-ħabs minħabba li appella mid-deċiżjoni u fl-1970 irritorna lura għall-boxing. Fl-1971 Ali sofra l-ewwel telfa tiegħu bħala boxer professjonali meta safa megħlub minn Joe Frazier imma fl-1974 reġa’ ġġieled ma’ Frazier u rebaħlu. Dik is-sena stess u baqa’ jirbaħ biex eventwalment rebaħ kontra George Forman biex reġa’ kiseb it-titlu mondjali.

Fl-1978 Ali reġa’ tilef iċ-ċinturin meta safa megħlub minn Leon Spinks imma seba’ xhur wara l-boxer minn Kentucky reġa’ kiseb it-titlu meta għeleb lil Spinks. Fl-1981 Muhammad Ali rtira mill-boxing b’rekord ta’ 56 rebħa għal ħames telfiet. Ta min jiftakar ukoll li Ali kien rebaħ il-midalja tad-deheb waqt l-Olimpjadi tal-1960 li kienu saru f’Ruma. Sa issa hu l-uniku boxer fid-dinja li rebaħ it-titlu dinji tal-heavyweight għal tliet darbiet.

Muhammad-Ali-ap_1468665c