Lokali

Imut il-Kolombjan li kien involut f’argument f’Paceville

Kolumbjan ta’ 37 sena li kien jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu wara argument f’Paceville tlett ijiem ilu, tilef ħajtu, skont il-Pulizija f’informazzjoni ġdida li ħarget dalgħodu.

L-argument seħħ nhar il-Ħamis li għadda u fih kien hemm involuti wkoll żewġ persuni oħra. L-argument kien seħħ għall-ħabta tat-3am f’parapett ta’ stabbiliment tad-divertiment fi Triq San Ġorġ.

Fil-post kienet issejħet l-Ambulanza, li ħadet lill-Kolumbjan l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Aktar tard, hu ġie ċċertifikat li jinsab f’qagħda kritika izda issa, sfortunatament miet.

Bil-każ kienet ġiet infurmata l-Maġistrat tal-għassa, li ħatret diversi esperti biex jassistuha fl-Inkjesta. Fost l-oħrajn, il-Pulizija mill-Għassa ta’ San Ġiljan talbu lista tal-impjegati tal-istabbiliment li kienu xogħol matul il-lejl biex jgħinu fl-investigazzjoni.