Internazzjonali

Imutu waqt nirien ġo dar għall-anzjani fl-Ukrajna

epa05335745 A Ukrainian rescuer work at the scene following a fire at a care home in Litochky village about 60 km from Kiev, Ukraine, 29 May 2016. According to media reports, at least 16 people were killed after a fire broke out at a care home for senior citizens early on 29 May 2016. EPA/SERGEY DOLZHENKO

Mietu talanqas sbatax il-persuna fost nirien li ħakmu bini li kienet isservi bħala residenza għall-anzjani. L-awtoritajiet, intant, qegħdin jinvestigaw l-inċident fatali fir-residenza li tinsab fil-villaġġ ta’ Bile, ftit ‘il barra minn Kiev, il-belt kapitali tal-Ukrajna.

Ir-rapporti qalu li n-nirien qabdu fis-sigħat bikrin tal-Ħadd u qerdu kwartier sħiħ tal-kumpless magħmul minn żewġ sulari, fejn kien hemm alloġġjati xi 35 anzjan.
Is-servizzi li wieġbu minnufih għall-emerġenza rnexxielhom isalvaw xi 18 il-persuna, li wħud minnhom intbagħtu l-isptar fejn instabu li kienu qed ibatu minn diversi tipi ta’ ħruq.

Id-dar inkwistjoni kienet magħmulha mill-injam u kienet ilha mibnija mill-1950. Intant, twaqqfet kummissjoni speċjali biex tiddetermina l-kawża speċifika tat-traġedja.

Il-Prim Minsitru tal-Ukrajna, Vladimir Groisman, fisser l-inċidenza tan-nirien bħala ‘traġedja terribbli li ssarrfet f’nuqqas ta’ ħajja u konsegwenzi rreparabbli’. Dan waqt li l-Gvern Ukran ħareġ messaġġi ta’ kondoljanzi lill-qraba tan-nies li tilfu ħajjithom.

Fl-istess ħin, il-Gvern tal-Ukrajna qed iwiegħed li jipprovdi appoġġ finanzjaru lill-vittmi tan-nirien u lil qrabathom.