Internazzjonali

Imwiet konnessi maz-Zika fil-Veneżwela

Il-President tal-Veneżwela, Nicolas Maduro, qal li tliet persuni mietu, fil-pajjiż, minn kumplikazzjonijiet relatati għall-virus taz-Zika. Sadanittant, l-istampa lokali rrappurtat li hemm 319-il każ tal-virus ikkonfermat fil-pajjiż.

L-imwiet fil-Veneżwela seħħew meta l-Istati tal-Amerika Latina qed jagħmlu li jistgħu biex jikkumbattu l-virus. Dan waqt li pajjiżi bħall-Brażil qed jistinkaw biex irażżnu epidemija tal-marda mifruxa li wasslet, fost oħrajn, biex it-trabi jitwieldu b’difetti fil-moħħ.

Pajjiżi oħra affettwati jinkludu l-Kolombja u l-Ekwador.

Magħruf li teżisti konnessjoni allarmanti bejn il-virus u l-microcephaly, li hi kundizzjoni newroloġika li twassal biex it-trabi jitwieldu b’rashom żgħira fuq livell abnormali. Il-virus taz-Zika anki jikkaġuna problemi fl-iżvilupp tat-tarbija u, f’xi każi, jwassal ukoll għall-mewt.

Il-Brażil irrappurtat l-akbar numru ta’ każi ta’ din l-epidemija, waqt li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) iddikjarat il-firxa tal-microcephaly bħala emerġenza tas-saħħa globali.