Lokali

Ingliż ferut f’każ ta’ hit and run

Mill-arkivji

Ingliż ta’ 50 sena sofra ġrieħi gravi meta lbieraħ intlaqat minn vettura li ħarbet mill-post.

Il-każ seħħ għall-ħabta ta’ 8:45pm fi Triq Gulju San Pawl il-Baħar, kantuniera ma’ Triq ix-Xitwa.

Ir-raġel ingħata l-ewwel għajnuna min-numru ta’ persuni li nzertaw fl-inħawi qabel ittieħed b’ambulanza l-Isptar Mater Dei. Hemmhekk, hu ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi ta’ natura gravi.

L-investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett tal-Qawra.

Kull min għandu xi informazzjoni li tista’ tgħin fl-investigazzjoni huwa mħeġġeġ jgħaddiha lill-pulizija, anke b’mod kunfidenzjali, fuq in-numri 119 jew 2122 4001.