Lokali Parlament

Inġustizzji ma’ ħaddiema minħabba twemmin politiku

Id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina tkellem fil-Parlament dwar dak li għaddejjin minnu diversi ħaddiema minħabba t-twemmin politiku tagħhom.

Fl-Aġġornament tal-lejla, id-Deputat Nazzjonalista qal li waħda mill-wegħdiet ta’ Joseph Muscat qabel l-elezzjoni kienet li wieħed jista’ ma jaqbilx mal-Partit Laburista, iżda xorta jista’ jaħdem miegħu.

Toni Bezzina qal li minkejja din il-wegħda, huma diversi dawk li qed iħabbtu wiċċhom ma’ inġustizzji u jsibu ma’ wiċċhom vendikazzjonijiet bi swat psikoloġiku sempliċiment għaliex ikunu għamlu kummenti ta’ kritika lill-Gvern.

Dan l-atteġġjament mhux għal kulħadd l-istess kif juru l-każi ta’ membru tal-Korp tal-Pulizija li wara li għamel kummenti dispreġjattivi kontra membri tal-Oppożizzjoni baqa’ jiġi sostnut.

Hemm ukoll il-każ ta’ xi ħadd li jaħdem f’uffiċċju bieb ma’ bieb mal-Prim Ministru, li minkejja l-kummenti li jagħmel jibqa’ jsib il-protezzjoni tal-istess Prim Ministru.

Toni Bezzina qal li dan kollu jikkonferma t-twemmin li hawn illum li teżisti liġi għall-allat u liġi għall-annimali.
Hu qal li l-Partit Nazzjonalista jikkonferma li ladarba fil-gvern se jara li dawn l-inġustizzji ma jitħallewx ikomplu jsiru u ssir ġustizzja kemm ma’ min qed ibati kif ukoll passi kontra min qed jabbuża mill-poter.

Appell lill-Gvern jgħin lill-bdiewa li qed iħossu n-nuqqas ta’ xita
Id-Deputat Nazzjonalista tkellem ukoll dwar is-settur tal-biedja b’rabta man-nuqqas ta’ xita. Staqsa x’passi se jkunu qed jittieħdu biex il-Gvern jgħin lill-bdiewa li qed iħossu l-effett ta’ dan in-nuqqas.

Hu staqsa x’metodi se jintużaw biex jitqassam ilma lill-bdiewa kif ukoll jekk hux se jkun hemm ħlas għal dan is-servizz.

Toni Bezzina saħaq li m’għandux jiżdied il-piż fuq il-bdiewa u r-raħħala.