Ambjent Lokali

Inizjattiva ġdida għar-riċiklaġġ tal-plastik f’San Pawl il-Baħar

Rajt flixkun tal-plastik mormi barra? Użajt flixkun tal-plastik int stess? Issa tista’ tiġbru, iżżommu u sarrfu f’voucher minn numru ta’ stabbilimenti u ristoranti.

Dan sar possibbli bl-introduzzjoni ta magna tar-riċiklaġġ għall-fliexken tal-plastik; inizjattiva introdotta f’Malta mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar.

Fil-preżentazzjoni ta’ din l-inizjattiva unika għal Malta, is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar Graziella Galea spjegat kif din il-magna sofistikata kapaċi tinduna jekk l-iskart mormi fiha hux plastik, u jekk le jitpoġġa f’reċipjent apparti. Jekk ikun fih il-likwidu, dan jitbattal.

Anke t-tappijiet jistgħu jiġu riċiklati b’mod separat imma fl-istess magna. Għalissa din il-magna tinsab fil-Kunsill Lokali, fejn il-pubbliku hu mistieden jieħu l-fliexken tal-plastik, jirriċiklah u jinghata vouchers li jissarrfu f’numru ta’ ristoranti u stabbilimenti tal-lokalita’.

Graziella Galea ħabbret li iktar ‘ il quddiem madwar il-lokalita’ se jitpoġġew iżjed minn dawn il-magni, bl-ewwel waħda tkun ħdejn l-għassa tal-lokalita’ biex tkun aċċessibbli anke’ għat-turisti.

Din l-inizjattiva hi wkoll messaġġ ta’ Kunsill Lokali li bil-provi qed jaħdem biex inaqqas l-iskart u jżomm l-indafa.

Minn naħa tagħha Marthese Portelli, Kelliema tal-Oppozizzjoni responsabbli mill-Ambjent qalet li hu sinifikanti li din l-inizjattiva bdiet minn din il-lokalita’ li hi kbira u qed turi kunsill li qed jieħu inizjattiva biex jipprotegi l-ambjent u jindirizza l-isfidi tal-iskart.

Uffiċjali ta’ Green Malta Project spjegaw li din l-inizjattiva ilha teżisti fl-Ewropa imma fl-aħħar tnieda dan l-ewwel pass biex din l-inizjattiva tinfirex madwar Malta.

Il-preżentazzjoni ta’ din il-magna saret hekk kif qed tiġi ċċelebrata l-European Week for Waste Reduction u għaliha kienu mistiedna wkoll il-Ministru tal-Ambjent Leo Brincat u s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali Stefan Buontempo imma m’attendewx.

Fl-aħħar ġimgħat il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar nieda wkoll kompetizzjoni għat-tfal tal-primarja biex joħolqu mudelli mill-plastik.