Internazzjonali

Inkwiet dwar esekuzzjonijiet imminenti fl-Arabja Sawdija

L-Arabja Sawdija qed taħseb biex tagħti l-piena tal-mewt lil 55 persuna kkundannati għal terroriżmu, bl-osservaturi jemmnu li dan qed isir bħala twissija lil persuni li qed jaħsbuha li jagħtu sehem fil-jihad ( gwerra qaddisa tal-Iżlamiċi), fi żmien meta l-pajjiż qed ikun suġġett għall-attakki minn militanti.

Il-priġunieri mmarkati għall-mewt instabu ħatja dwar sehem f’attakki terroristiċi marbuta mal-moviment Al-Qaeda fejn inqatlu ‘l fuq minn 100 ċivili u 71 membru tas-sigurtà. L-esekuzzjonijiet qed jidhru imminenti u l-gruppi tad-drittijiet umani qegħdin jinkwetaw dejjem aktar li żgħażugħ ta’ 21 sena u żijuh jistgħu jinqatlu mill-Istat fi kwistjoni ta’ ġranet.

Iż-żgħażugħ inkwistjoni, Ali Mohammed al-Nimr, kien arrestat fl-età ta’ 17 il-sena fost akkużi li kien ħa sehem fi protesta u li għallem l-ewwel għajnuna lid-dimostranti. Akkuża oħra hi li ż-żgħażugħ kien uża s-smartphone tiegħu biex iħeġġeġ aktar nies jissieħbu fil-protesta u issa jidher li hu se jħallas b’ħajtu.

Is-sentenza tal-mewt ta’ Ali, iżda, qanqlet kritika qawwija minn barra l-Arabja Sawdija, bil-Gvern Franċiż u grupp ta’ esperti tan-Nazzjonijiet Uniti jinsistu biex ma jsirux l-esekuzzjonijiet.

Uħud fost il-55 irġiel ikkundannati għal terroriżmu ġejjin mill-belt ta’ Awamiya, fejn il-maġġoranza tar-residenti huma Xiti, u li tinsab fil-Provinċja tal-Lvant tal-Arabja Sawdija. Magħruf li l-awtoritajiet ta’ dan ir-reġjun ilhom qed joħonqu d-dimostrazzjonijiet għal drittijiet umani.