Internazzjonali

Inkwiet ġdid u tensjoni fl-Armenja

Pulizija għal kontra l-irvellijiet fl-Armenja ġġieldu ma’ sostenituri ta’ grupp armat li l-membri tiegħu ilhom ġimgħatejn magħluqa, flimkien ma’ ostaġġi, ġo għassa tal-pulizija fil-kapitali Yerevan.

Fl-aħħar inċidenti fil-kapitali, indarbu għexieren ta’ dimostanti, fosthom ġurnalisti. Saru wkoll ‘il fuq minn 100 arrest f’diversi żoni ta’ Yerevan meta l-grupp armat li ilu jikkontrolla l-għassa mis-17 ta’ Lulju qed jinsisti għall-ħelsien ta’ priġunieri politiċi, fosthom il-Kap tal-Oppożizzjoni Jirair Sefilian, li jikkritika l-mod kif il-President tal-Armenja, Serge Sarkisian, ħa ħsieb il-konflitt fir-reġjun ta’ Nagorno-Karabakh.

It-territorju ta’ Nagorno-Karabakh jinsab fl-Ażerbajġan iżda għandu maġġoranza ta’ Armeni etniċi. Dan meta l-konflitt inkwistjoni jinvolvi lis-separatisti pro-Armeni.

Il-grupp armat f’Yerevan, fl-aħħar jiem, ħeles uħud mill-ostaġġi li kien ħataf, u qal li għandu jirritalja f’każ li jisfa attakkat. Fl-istess ħin, il-grupp m’għandux ħsieb li jċedi lill-awtoritajiet Armeni u, issa, ħareġ filmat fejn qed iħeġġeġ biex ‘aktar sostenituri’ joħorġu fit-toroq għal dimostrazzjonijiet kontra l-Gvern ta’ Sarkisian.