Internazzjonali

Inkwiet wara sparaturi f’żewġ universitajiet fl-Istati Uniti

Żewġ sparaturi separati fl-inħawi ta’ żewġ universitajiet – waħda f’Arizona u l-oħra f’Texas – nisslu sens ta’ dieqa akbar fost il-poplu tal-Istati Uniti li għadu xxukkjat dwar il-massakru ta’ ġimgħa ilu, f’kulleġġ ta’ Oregon, fejn żgħażugħ spiċċa joqtol disa’ persuni qabel ikkommetta suwiċidju.

L-attakki f’Arizona u Texas seħħew sigħat ‘il bogħod minn xulxin, bl-ewwel każ iseħħ fin-Northern Arizona University fejn inqatlet persuna, bi tlieta oħra jisfaw midruba.

Jidher li l-inċident fatali kien jinvolvi l-membri ta’ Fraternità partikolari, bil-pulizija tarresta student ta’ 18 il-sena li qed ikun akkużat b’omiċidju u aggrediment ta’ persuni. L-arrestat, li jismu Steven Jones, bħalissa qed jgħin fl-istħarriġ tal-awtoritajiet.

Sadanittant, inqatel student fit-tieni sparatura ġo kumpless ta’ appartamenti għall-istudenti viċin il-kampus tal-Università fi Houston, f’ Texas. Fl-attakk spiċċat feruta persuna oħra, bil-pulizija qed iżżomm żewġ żgħażagħ bħala suspettati waqt li qed tfittex għal ‘tielet suspettat’.

L-attakki seħħew meta l-President tal-Istati Uniti kien qed iżur il-qraba tal-vittmi tal-isparatura ta’ Oregon. Obama tenna, wara laqgħa privata mal-familji, li għandu ‘sentimenti qawwija’ dwar il-ħtieġa għall-kontroll tal-armi f’idejn l-Amerikani u sostna li l-pajjiż irid jingħaqad f’impenn komuni biex jevita li jsiru aktar traġedji.