Kelliema għal-linja tal-ajru EgyptAir ikkonfermaw, ftit minuti ilu, li nstabu l-fdalijiet tal-ajruplan Airbus tal-linja li ġġarraf, dalgħodu, fil-Mediterran waqt titjira minn Pariġi lejn il-Kajr.
Skont ir-rapporti, il-fdalijiet kienu indikati qrib il-gżira ta’ Karpathos u l-EgyptAir, fi stqarrija, qalet li l-konferma ġejja mill-Ministeru Eġizzjan għall-Affarijiet Barranin li wassal il-messaġġ lill-Ministeru għall-Avvjazzjoni Ċivili tal-Eġittu.
Fl-inċident ta’ dalgħodu, l-ajruplan tal-EgyptAir, tat-tip Airbus A320, għamel xi manuvri strambi qabel niżel direttament fil-Baħar Mediterran. L-inċident seħħ meta l-ajruplan kien qed iġorr 66 persuna (seba’ minnhom membri tal-ekwipaġġ), li fil-parti kbira kienu ġejjin mill-Eġittu jew Franza.
Intant, it-terroriżmu seta’ kien kawża prinċipali f’din is-sitwazzjoni, b’imkejjen tal-istampa jirreferu għal sorsi li ‘ma eskludewx għall-preżenza ta’ bomba fuq l-ajruplan’.
L-ajruplan, waqt l-eqqel tad-drama, sparixxa minn fuq ir-radar u l-Ministru Eġizzjan għall-Avjazzjoni, Sherif Fathi, għamilha ċara l-possibbiltà ta’ xi attakk terroristiku hi ‘akbar’ mill-possibbiltà ta’ difett tekniku.
Rapporti preċedenti qalu li l-iskwadri li ħarġu jfittxu l-ajruplan kienu raw xi fdalijiet ‘tal-Airbus’ lejn ix-xlokk ta’ Kreta. Intant, Franza qed tibgħat investigaturi lejn il-Kajr, flimkien ma’ espert tekniku mill-Airbus, biex jissieħbu fl-investigazzjoni.
Il-qawwiet armati tal-Eġittu qalu wkoll li r-Renju Unit, Ċipru, l-Italja, Franza u l-Greċja kienu qed jikkooperaw fit-tfittxija għall-ajruplan.
//= $special ?>