Lokali

Intervista: Omm tgħix bil-karita’ wara l-problema tal-alkoħol tal-eks raġel u l-vjolenza domestika

*L-identita’ tal-mara hi moħbija biex jiġi protett it-tifel*

Mara u binha ta’ disa’ snin irnexxielhom iħallu warajhom ħajja ddominata minn raġel li maħkum mill-problema tal-alkoħol kien jinfexx fihom bi vjolenza kontinwa, kemm fiżika u psikoloġika.

L-omm irnexxielha titlaq din il-ħajja imma kellha tħalli kollox warajha, filwaqt li binha għadu jsofri psikoloġikament minħabba dak li għaddew minnu.

L-omm avviċinat lil Netnews.com.mt b’ġurnalist ta’ dan is-sit iżur ir-residenza tagħha u ra l-faqar li tgħix fih, f’appartament żgħir li fih biss ftit affarijiet bażiċi li qalgħet b’karita’ mingħand in-nies.

Fid-dawl ta’ dan, dan is-sit se jkun qed jgħin lil din l-omm u binha. Dawk kollha li jixtiequ jikkontribwixxu flus, oġġetti tad-dar jew ħwejjeġ jistgħu jagħmlu dan billi jħalluhom fir-reception tad-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista u jintqal lir-receptionists tagħna li dawn huma donazzjonijiet għall-istorja umana tal-vjolenza domestika maħduma min-newsroom.

Biex ma jkunx hemm ħela, ikun aħjar li ma jsirux donazzjonijiet ta’ prodotti li jistgħu jiskadu, bħal ikel.