Lokali Saħħa

Investigati każi tal-Ilsien u d-Dwiefer fl-Iskola Primarja ta’ Birżebbuġa

L-awtoritajiet tal-Edukazzjoni qed isegwu numru ta’ każi tal-virus tal-Ilsien u d-Dwiefer, li fl-aħħar jiem irriżultaw fl-Iskola Primarja ta’ Birżebbuġa.

Kelliem għall-Ministeru tal-Edukazzjoni, filwaqt li kkonferma li l-virus laqat din l-iskola, spjega li l-Ministeru s’issa jaf biss b’erba’ każijiet ikkonfermati. Madankollu, ġenituri li tkellmu ma’ NETnews spjegaw li kemm ilu li nqala’ l-ewwel każ, kien hemm klassijiet li spiċċaw “kważi vojta”, possibbilment minħabba li ħafna ġenituri jibżgħu jibgħatu lil uliedhom għall-Iskola.

Il-kelliem tal-Ministeru spjega li t-tmexxija tal-Iskola kkomunikat mad-Dipartiment tas-Saħħa u ħadet numru ta’ passi, fost l-oħrajn b’xogħol ta’ ħasil intensiv tar-riżorsi fil-klassijiet u l-kmamar tal-Iskola. Dan qed iseħħ, spjega, biex tkun assigurata s-sigurtà tat-tfal u anke tal-istaff tal-Iskola.

Il-ġenituri li tkellmu ma’ NETnews komplew jispjegaw is-sens ta’ paniku li ħakem l-Iskola kemm ilhom li feġġew il-każi. Omm partikolari spjegat li meta għamlet rapport lil membru tal-istaff tal-Iskola, il-persuna dehret li se taħbi r-rapport. Dan wassal biex fl-istess jum, anke ġenituri oħrajn għamlu rapport u għalhekk, it-tmexxija tal-Iskola kellha tfittex tieħu azzjoni.

Sorsi li tkellmu ma’ NETnews spjegaw li f’dan l-istadju, it-tmexxija tal-Iskola fetħet il-każ immedjatament mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni u mad-Dipartiment tas-Saħħa. Bħala parti mill-proċedura użata, intbagħtet ukoll ittra lill-ġenituri kollha biex tinfurmahom fil-prekawzjonijiet li wieħed irid jieħu f’dan l-istadju.