Ekonomija Lokali Parlament

Investiment fi tkabbir sostenibbli – l-MHRA

Fl-ewwel reazzjoni tagħha għall-Baġit 2016, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristornati (MHRA) qalet li fid-dokument ta’ qabel il-baġit li ppreżentat talbet lil Gvern biex iżid l-azzjonijiet lil hinn mit-tkabbir ekonomiku u biex jibda jiffoka fuq inizjattivi ta’ żvilupp ekonomiku. Fid-dawl ta’ dan, l-MHRA faħħret lil Gvern għat-tkomplija tal-isforzi biex isaħħaħ il-pożizzjoni fiskali u jnaqqas id-defiċit minn 2.1 fil-mija tal-GDP fl-2014 għal 1.1 fil-mija fl-2016. L-Assoċjazzjoni qalet li l-prudenza fiskali issaħħaħ il-fundament macro-ekonomiku tal-ekonomija u għalhekk tassigura titjib ekonomiku sostenibbli fuq tul ta’ żmien.

L-MHRA qalet li l-miżuri mħabbra dwar inċentivi ta’ investiment fl-effiċjenza tal-enerġija mis-settur tal-ospitalità hu pass fid-direzzjoni t-tajba. L-MHRA laqgħet tajjeb l-investiment fl-ITS minħabba li r-riżorsi umani huma kruċjali għas-settur turistiku. Faħħret ukoll iż-żieda ta’ €1 miljun fl-allokazzjoni lil MTA biex jinstabu swieq ġodda u jkun hemm aktar tqassim staġjonali.

L-MHRA qalet li tirrikonoxxi l-isforzi tal-Gvern biex is-settur privat ikun involut fl-immaniġġjar, fil-manutenzjoni u fit-titjib taż-żoni turistiċi permezz ta’ mudell tal-Public Private Partnership u Fondazzjoni għall-Iżvilupp taż-Żoni Turistiċi u jekk il-kontribuzzjoni ambjentali tkun immaniġġjata tajjeb m’għandhux ikollu impatt fuq in-numru ta’ turisti lejn Malta. L-MHRA saħqet mal-Gvern li l-mod kif din il-kontribuzzjoni tinġabar trid tkun diskussa aktar fid-dettall biex ma jkunx hemm abbużi.