Lokali

Ir-raba’ verżjoni tal-“aqwa Gvern fl-Ewropa” – Konrad Mizzi jibqa’ Ministru, Manwel Mallia jirritorna; Keith Schembri jibqa’ Chief of Staff

Wara 60 jum minn meta kien żvelat il-każ tal-Panamagate, kien żvujtat il-portafoll Ministerjali ta’ Konrad Mizzi. Madankollu, hu se jibqa’ bħala Ministru bla Portafoll fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Hu se jkun qed jara li jitwettqu l-prijoritaiet fil-qasam tal-Enerġija.

Hekk ħabbar il-Prim Ministru Joseph Muscat f’konferenza tal-aħbarijiet li indirizza f’Kastilja. Hu qal li ddeċieda li jneħħi l-Portafolli ta’ Konrad Mizzi għax qal li minkejja li ma kien hemm xejn illegali fil-każ tal-Panama, wieħed kien jistenna imġieba aktar korretta.

Muscat spjega li filwaqt li Chris Fearne se jinħatar Ministru tas-Saħħa, il-Prim Ministru nnifsu se jibqa’ jmexxi l-qasam tal-Enerġija u l-Proġetti tal-Gvern. Fl-istess waqt, Konrad Mizzi se jirriżenja minn Deputat Mexxej tal-Partit Laburista u fil-jiem li ġejjin se jibda l-proċess tal-għażla għal Deputat Mexxej ġdid.

Dwar iċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri, Muscat qal li dan xorta għandu l-fiduċja tiegħu u se jibqa’ jżomm il-pożizzjoni tiegħu għax Schembri mhuwiex persuna eliġibbli.

Sadanittant, il-Prim Ministru ħabbar li qed jinnomina lil Leo Brincat bħala l-Membru Malti għall-Qorti tal-Awdituri. Għaldaqstant, hu qed jirriżenja immedjatament minn Ministru. Minfloku, Jose’ Herrera se jinħatar Ministru għall-Ambjent u l-Iżvilupp Sostenibbli.

Fl-istess waqt, Manwel Mallia se jirritorna fil-Kabinett bħala l-Ministru għall-Kompetittività. Dwar dan, u minkejja li Manwel Mallia kellu jirriżenja minħabba l-isparatura li x-xufier tiegħu kien għamel fil-Gżira, Muscat qal li Manwel Mallia refa’ r-responsabbiltà u għalhekk ħallas għal dak li kien sar.

Minkejja dan kollu, u minkejja li din hi r-raba’ verżjoni tal-Gvern ta’ Muscat, il-Prim Ministru qal li dan hu l-aqwa Gvern li ddeliverja.

F’reazzjoni l-Kap tal-Partit Nazzjonalista fuq Twitter qal li din hi farsa. Aktar ma jibidlu l-affarijiet, aktar jibqgħu l-istess.