Lokali

Ir-Rabat maħsud bis-serqa fuq Joe Pulo

Ir-Rabat jinsab maħsud wara li iktar kmieni llum sar magħruf li Joe Pulo, sid ta’ ħanut taż-żraben fir-Rabat li għandu 66 sena, spiċċa vittma ta’ żewġ ħallelin armati u b’wiċċhom mgħammad li daħlu fuqu u saħansitra ferewh.

Joe Pulo jinsab rikoverat l-Isptar Mater Dei għall-kura imma fortunatament ma jinsabx fil-periklu tal-mewt.

Malli sar magħruf dak li għadda minnu Joe, attiv sew fil-komunita’, fejn fost l-oħrajn hu bandist u atleta, kienu mijiet dawk li fuq Facebook kitbu biex jawgurawlu fejqan ta’ malajr.

Joe Pulo ilu snin twal imexxi dan il-ħanut fir-Rabat, negozju li wiret mingħand missieru u li llum-il ġurnata sar ħanut ikona tar-Rabat u parti mill-kultura’ u t-tradizzjoni antika tal-lokalita’.

Fost dawk li kitbu, kienu ħafna dawk li fissru lil Joe ħala bniedem mill-aħjar, li qatt ma ta fastidju lil ħadd anzi jkellem lil kull min jinzerta.

Fost il-kummenti li jispikkaw, dawk ta’ Rabtin li fissruh bħala anġlu u urew ix-xewqa li jarawh mill-ġdid bit-tbissima tipika tiegħu fil-ħanut li tant jgħożż, filwaqt li wegħduh it-talb tar-Rabtin kollha.

Ritratt: The People of Malta