Lokali Parlament

Ir-rapport tal-PN dwar it-traffiku qed jiġi mfaħħar mill-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili

Id-dokument li ppreżenta l-Partit Nazzjonalista dwar il-problema tat-traffiku qed jiġi mfaħħar mill-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili u qed joffri opportunità unika lill-Gvern biex jiftaħ id-diskussjoni li jsib soluzzjonijiet ibbażati fuq suġġerimenti li ġejjin mill-pubbliku.

Fil-Parlament waqt il-ħin tal-aġġornament ix-Shadow Minister għall-Ambjent, Enerġija u Trasport, Marthese Portelli, tkellmet dwar il-proposti li ressqet l-Oppożizzjoni għal soluzzjonijiet dwar il-problema tat-traffiku. Irrimarkat li ma kinitx se toqgħod twieġeb għall-kritika infondata ta’ diversi kelliema tal-Gvern imma kienet se titkellem dwar il-proposti li sabu l-appoġġ tas-soċjetà ċivili.

35 proposta li huma fattibbli li jistgħu jsiru fi żmien qasir
Marthese Portelli qalet li l-problema tat-traffiku hi waħda reali li ilha żmien bħala waħda fost l-akbar problemi li tikkonċerna lill-poplu. Id-dokument tal-Oppożizzjoni jipproponi 35 proposta li huma fattibbli li jistgħu jsiru fi żmien qasir u mingħajr spejjeż esaġerati.

Ix-Shadow Minister qalet li d-dokument ġie aċċettat mis-soċjetà ċivili. Ir-rappreżentant tal-General Workers’ Union qal li dan hu dokument fattibbli fl-immedjat. L-MHRA irrikonoxxiet li l-Oppożizzjoni qed tikkontribwixxi b’suġġerimenti konkreti. Kummenti oħra saru mill-Asso`jazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem (MEA), mill-Kamra tal-Kummerċ, il-GRTU, il-UĦM Voice of the Workers, kif ukoll minn rappreżentant taċ-ċiklisti.

L-Oppożizzjoni qed tkun proattiva aktar mill-Gvern
Is-soċjetà ċivili rrikonoxxiet li dan hu pass importanti li qed isir mill-Oppożizzjoni minkejja li fadal sentejn għall-elezzjoni. Dan jikkontradixxi l-kritika li qed issir min-naħa tal-Gvern għad-dokument sempliċiment għaliex l-Oppożizzjoni qed tkun proattiva aktar mill-Gvern li suppost ħejja r-rapport min-naħa tiegħu.

Id-dokument ma jintilifx fi kritika għan-nuqqasijiet tal-Gvern imma jitkellem dwar x’għandu jsir
Marthese Portelli qalet li d-dokument ma jintilifx fi kritika għan-nuqqasijiet tal-Gvern imma jitkellem dwar x’għandu jsir. Hemm nuqqas ta’ informazzjoni dwar x’inhu jikkawża l-problema tat-traffiku. Jekk qed issir il-kritika li proposti li ssemmew diġà qed isiru, ifisser li dak li qed isir mhux qed iħalli effett. Għalhekk jinħtieġ li jsiru diskussjonijiet biex is-sitwazzjoni titjieb.
Marthese Portelli tkellmet dwar kampanji ta’ informazzjoni dwar x’għandu jsir rigward il-fast lane, inċidenti bumper to bumper u toroq magħluqin minħabba xogħlijiet. F’dan il-każ jinħtieġ ippjanar fit-tul dwar xogħlijiet li jkunu se jsiru.

Tkellmet ukoll dwar setturi oħrajn tat-trasport bħalma hu trasport ta’ studenti lejn skejjel kif ukoll ħaddiema lejn il-postijiet tax-xogħol. Hemm ukoll trasport minn post għal ieħor li jkunu stabbiliti.

Marthese Portelli qalet li mhux minnu li bil-proposti li qed isiru, il-PN irid iwaqqaf it-teleworking. Kuntrarjament għal rapporti fil-midja Laburista hemm proposti li jinkoraġixxu dan it-tip ta’ xogħol. Lanqas ma hu minnu li l-proposti se jfissru li l-pubbliku ma jitħallix juża l-karozza privata imma jipproponi inċentivi għal min jagħżel li ma jużax il-karrozza privata fil-ħinijiet tat-traffiku (peak hours). Hemm proposti oħra dwar l-użu ta’ vetturi kbar kif ukoll dwar ġbir ta’ skart f’ħinijiet u b’sistemi li jnaqqsu l-inkonvjenza meta jsir ġbir bieb bieb.

Marthese Portelli rriferiet ukoll għall-proposti dwar reviżjoni dwar roundabouts, central strips u marki tat-toroq li jistgħu jittranġaw biex jevitaw dewmien fejn jista’ jiġi evitat.

Appell lill-Gvern jevalwa l-proposti tal-PN
Ix-Shadow Minister qalet li l-Gvern kellu kull opportunità jiftaħ id-diskussjoni u esprimiet it-tama li jevalwa l-proposti fid-dokument tal-Oppożizzjoni li wara kollox huma proposti li ġew mill-pubbliku.