Lokali

Ir-Reġina Eliżabetta II tasal Malta llum

Ir-Reġina Eliżabetta II, flimkien mad-Duka ta’ Edinburgh, kif ukoll il-Prinċep Charles u Camilla d-Duċessa ta’ Cornwall se jkunu qed jaslu pajjiżna llum fl-okkażjoni taċ-CHOGM. Ir-Reġina se tasal Malta għall-ħabta tat-3.30 ta’ waranofsinhar.

Il-programm uffiċjali tal-Familja Rjali jibda llum, bir-Reġina u d-Duka ta’ Edinburgh li se jintlaqgħu mill-Prim Ministru fl-Ajruport. Minn hemmek huma jmorru l-Palazz ta’ San Anton f’Ħ’Attard fejn jintlaqgħu mill-President ta’ Malta u ssir il-merħba ċeremonjali. Il-merħba ċeremonjali kellha ssir fi Pjazza San Ġorġ il-Belt, madanakollu kien hemm tibdil fil-pjanijiet minħabba t-temp.

Din m’hijiex l-ewwel darba li r-Reġina tar-Renju Unit se tkun qed iżżur iżda din hija l-ewwel darba li l-erba’ membri tal-familja rjali – jiġifieri r-Reġina u r-raġel tagħha u l-eredi għat-tron u l-mara tiegħu – se jkunu fuq żjara statali barra r-Renju Unit kollha f’daqqa.

Impenji oħra tal-Familja Irjali

L-impenji tar-Reġina matul iż-żjara tagħha ta’ tlett ijiem se jkunu jinkludu riċeviment ad unur il-poplu Malti fil-ġonna ta’ San Anton, l-ikla tradizzjonali taċ-CHOGM, dawra bid-dgħajsa fl-ibħra tal-Port il-Kbir u żjara l-korsa taż-żwiemel il-Marsa fejn ir-Reġina se ssegwi logħba tal-Polo parti mill-Mediterranean Cup.

Ir-Reġina se tkun qed tattendi wkoll il-ftuħ uffiċjali taċ-CHOGM se jsir l-għada tal-wasla tal-Familja Irjali, il-Ġimgħa 27 ta’ Novembru.

Mhux se jonqsu numru ta’ impenji oħra mill-erba’ membri tal-Familja Irjali, li se jsegwu programmi t’attivitajiet differenti. Matul iż-żjara tagħha, ir-Reġina se tkun qed toqgħod il-Palazz tal-President f’San Anton.