Lokali

Ir-relevanza tal-Air Malta għandha tiġi protetta – FATTA

Il-mira ewlenija tal-Air Malta għandha tibqa’ l-kapaċità li toffri servizz lill-industrija tat-turiżmu minn u lejn Malta.

Dan qalitu l-Assoċjazzjoni tal-Aġenziji tat-Turiżmu (FATTA), li fi stqarrija appella biex it-taxxi mħallsa għandhom jissarrfu f’modi ta’ appoġġ u sustenn għall-industrija turistika, li aktar ma jmur, aktar qed tkompli toħloq impjiegi.

FATTA qalet li dan jista’ jissaħħaħ biss jekk intejjbu r-relevanza tal-linja nazzjonali tal-ajru u mhux sempliċiment isimha. Dan għandu jsir billi jissaħħu r-rabtiet mal-bliet Ewropej, li kulħadd jaf li huma s-sors ewlieni għat-turiżmu f’pajjiżna.

L-Assoċjazzjoni qalet li jekk l-Air Malta tbiddel l-istrateġija b’tali mod li tibda sservi bħala ‘feeder airline’ minn u lejn l-Afrika ta’ Fuq u l-Lvant Nofsani, ikun qed jinħoloq intopp għall-industrija.

Filwaqt li esprimiet qbil għall-pożizzjoni tal-Gvern li jagħmel tajjeb għad-dejn u uħud mill-impjegati li għandha l-Air Malta, FATTA tgħid li dawn il-passi jagħmlu sens biss jekk il-poplu Malti jgawdi l-benefiċċji fit-tul. Dawn il-passi ma jistgħux isiru biex l-Air Malta ssir sempliċiment ‘feeder’.

Kien għalhekk li FATTA appellat lill-Gvern biex jiggarantixxi li l-linja tal-ajru żżomm ir-relevanza tagħha bl-għan ewlieni li sservi lill-industrija turistika ta’ pajjiżna.