Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Investigat hacking relatat għal Pippa Middleton

Il-Pulizija Britannika qed tinvestiga rapporti li l-kont personali tal-iCloud ( servizz tal-kompjuter) ta’ Pippa Middleton, oħt id-Dukessa ta’ Cambridge, spiċċa suġġett għall-hacking, bir-riżultat li nsterqu numru ta’ ritratti privati.

Il-gazzetta The Sun qalet li kienet ‘offruta r-ritratti inkwistjoni’ li kienu jinkludu ritratti tal-ulied ċkejknin tad-Dukessa Catherine – il-Prinċep George u l-Prinċipessa Charlotte. Kelliema għall-gazzetta sostnew li xi ħadd kien ikkuntattjahom u talab biex jitħallas 50,000 lira Sterlina f’perjodu ta’ 48 siegħa.

Il-Pulizija Metropolitana qalet, sadanittant, li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin u li s’issa ma sarux arresti. Qed jingħad li madwar 3,000 ritratt kienu suġġetti għall-hacking u li persuna anonima ppruvat tbiegħhom permezz tas-servizz tal-messaġġi WhatsApp.