Internazzjonali

Ir-Renju Unit se jgħin ‘għall-isħubija tat-Turkija’ fl-UE

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tar-Renju Unit, Boris Johnson, qal li r-Renju Unit, issa, għandu jappoġġja t-tentattivi tat-Turkija biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea. Dan minkejja li l-istess Johnson kien ħareġ b’diversi twissijiet ‘dwar dan il-prospett’ waqt l-eqqel tal-kampanja biex ir-Renju Unit joħroġ mill-UE, qabel ir-referendum ta’ Ġunju li kien ikkonferma l-‘Brexit’.

Waqt din il-kampanja, Johnson wissa li l-isħubija tat-Turkija fl-UE kellha tagħti d-dritt lil miljuni ta’ immigranti biex jgħixu u jsibu x-xogħol fir-Renju Unit.

It-twissija kienet fost l-aktar stqarrijiet kontroversjali tal-kampanja li organizzaw l-attivisti Britanniċi tal-‘Leave’ qabel ir-referendum u l-attivisti rivali tal-kampanja ‘Remain’ akkużaw lil Boris Johnson b’li ‘gideb biex jilħaq l-għanijiet tiegħu’.

Intant, Johnson, li f’nofs il-ġimgħa beda l-ewwel żjara uffiċjali tiegħu fit-Turkija, qal li r-Renju Unit ‘se jgħin lit-Torok bi kwalunkwe mezz’, issa li l-Britanniċi se jispiċċaw minn membri tal-Unjoni Ewropea.

Johnson, fl-istess ħin, naqas milli jagħmel apoloġija għal poeżija b’kontenut offensiv li hu kien kiteb, ġimgħat ilu, u li kienet ‘iddedikata’ lill-President tat-Turkija Recep Tayyip Erdogan. Fil-fatt, hu, issa, qed jittama li, permezz ta’ din iż-żjara, jista’ jkattar ir-relazzjonjiet bejn Londra u Ankara.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Tork għall-Affarijiet relatati għall-UE, Omer Celik, qal li filwaqt li t-Turkija tirrispetta d-deċiżjoni tar-Renju Unit biex jitlaq mill-Unjoni, hu kellu kritika qawwija ‘għad-diskors kontra t-Turkija’ ta’ waqt ir-referendum Britanniku.