Lokali

“Ir-reshuffle farsa tal-Prim Ministru fl-aħħar jiem hija insult għall-intelliġenza tal-poplu Malti” – Soċjeta’ Ċivili

“Ir-reshuffle farsa tal-Prim Ministru fl-aħħar jiem hija insult għall-intelliġenza tal-poplu Malti li jemmen f’governanza tajba”. Hekk saħaq Michael Brigulio meta tkellem waqt konferenza stampa dalgħodu f’isem is-Civil Society Network. Waqt il-konferenza stampa ntqal li l-inqas ħaġa li jistgħu jagħmlu l-Ministru Konrad Mizzi u Keith Schembri wara l-involviment tagħhom fl-iskandlu tal-Panama Papers huwa li jirriżenjaw kif għamlu politiċi oħra f’demokraziji oħra meta spiċċaw f’nofs dan l-iskandlu internazzjonali.

Is-Civil Society Network għalhekk qegħda tkompli bis-sejħa tagħha għal protesta nazzjonali li ssejjaħ għar-riżenja tal-Ministru Konrad Mizzi u Keith Schembri . Il-protesta ser issir nhar is-Sibt 7 ta’ Mejju fl-għaxra ta’ filgħodu fil-pjazza ta’ quddiem il-bini tal-parlament. Matul il-protesta mhux ser ikun diskorsi filwaqt li l-protesta mhijiex ser tkun waħda partiġġjana. Is-Civil Society Network stiednet individwi u għaqdiet sabiex jingħaqdu magħha matul din il-protesta.

“Dak li qegħdin nitolbu huwa normali u ovvja f’soċjeta demokratika, politiċi u nies qrib il-politika m’għandhom ikunu assoċjati ma’ tax havens u arranġamenti finanzarji dubjużi li jistgħu jirriżultaw f’kunflitt ta’ interess”.

Is-Civil Society Network fuq Facebook waqfu paġna speċjali għal din il-protesta. Wieħed jista’ jżur din il-paġna billi jagħfas hawn.