Unjoni Ewropea

Ir-riforma fil-copyright jeħtieġ li tirrifletti l-ħajja diġitali u d-domanda għall-kontenut – Comodini Cachia waqt id-Digital Assembly 2016

“Ir-riforma fil-copyright trid issir sabiex tiżgura li n-nies ikollhom aċċess u jkunu jistgħu jgawdu l-kontenut kreattiv u kulturali fi stil ta’ ħajja diġitali, hija importanti wkoll sabiex min jipprovdi s-servizz jkun jista’ joffri l-aċċess għall-kontenut u tiżgura li filwaqt li nibqgħu ngawdu u jkollna aċċess għall-kontenut nkomplu wkoll ninvestu fl-opportunitajiet biex ikollna aktar kontenut billi jkun hemm aċċess legali”.

L-Ewroparlamentari Maltija Therese Comodini Cachia qalet dan waqt id-Digital Assembly 2016, attività organizzata bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Presidenza Slovakka tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li saret fi Bratislava. Comodini Cachia, li hija l-kelliema tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew, qalet li jeħtieġ li kemm min joħloq il-kontenut kif ukoll il-konsumaturi jiġu assigurati bid-drittijiet tagħhom fis-suq wieħed Ewropew.

Waqt diskussjoni fuq l-immodernizzar tar-regolamenti tal-copyright fl-Unjoni Ewropea, Comodini Cachia qalet li din ir-riforma se tgħin biex l-opportunitajiet fis-settur diġitali jkunu aktar aċċessibbli għal setturi differenti fosthom ir-riċerka, l-edukazzjoni u l-ħarsien tal-wirt kulturali. Qalet ukoll li “din hija opportunità biex il-kultura tasal lil hinn mill-fruntieri. Hija wkoll opportunità biex tingħata aktar appoġġ lill-għalliema fil-klassijiet u l-eLearning filwaqt li jikber il-potenjal tad-data analysis.”

Therese Comodini Cachia qalet li r-riforma tal-copyright hija pass importanti biex inqarrbu aktar lejn xulxin l-opportunitajiet diġitali u analogu għall-kontenut kulturali u kreattiv u l-partijiet kollha nvoluti fosthom il-konsumaturi. Hija saħqet li l-copyright m’għandux ikun barriera għall-kontenut kreattiv u kulturali biex jimraħ onlajn. “Irrid li l-konsumaturi jkollhom aktar aċċess għall-films, il-mużika, l-arti u l-kontenut kulturali.”

Id-Digital Assembly 2016 kellha t-tema “Putting the Digital Single Market at the heart of Europe” u għaliha attendew bosta uffiċjali għolja mill-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea u istituzzjonijiet Ewropej, politiċi, rappreżentanti tal-industrija u l-akkademija, start-ups u NGOs. Preżenti wkoll kien hemm il-Prim Ministru Slovakk Robert Fico, il-Viċi Prim Ministru Slovakk Peter Pellegrini, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Andrus Ansip u l-Kummissarju Ewropew Günther Oettinger. Id-Digital Assembly li jmiss se ssir fil-Belt Valletta f’Malta.