Lokali

Ir-rigal ta’ Muscat lill-familji tan-naħa ta’ isfel huwa t-tanker tal-gass

L-attakk li fetaħ Joseph Muscat kontra l-Freeport u l-ħaddiema kollha li jaħdmu ma’ din il-kumpanija huwa sinonimu ta’ politiku li nqata’ kompletament mir-realtà tal-familji Maltin u Għawdxin.

Fi stqarrija il-PN qal li r-residenti tan-naħa ta’ isfel ta’ Malta, Muscat se jġibilhom tanker tal-gass li tant kemm hu kburi bih, li din il-ġimgħa stess se jmur is-Singapore, flimkien ma’ Keith Schembri u Konrad Mizzi, biex jara dan l-istess tanker li se jpoġġih ftit kilometri biss ‘il bogħod mid-djar ta’ ħafna familji.

Għall-kuntrarju, l-wirt tal-Partit Nazzjonalista fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta huwa kbir, fost l-oħrajn b’waterfront li jiġġenera l-ekonomija, skejjel ġodda, kumplessi sportivi, faċilitajiet sportivi, parkijiet għall-familji, u tant proġetti oħrajn li minnhom qed igawdu l-familji li jgħixu fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta.

Dwar il-Freeport, il-Partit Nazzjonalista jemmen li din l-istorja ta’ suċċess m’għandiex titwaqqaf ħesrem, sempliċiment għaliex Muscat iddeċieda hekk. Mill-Freeport jiddependi l-għixien ta’ mijiet ta’ familji Maltin u Għawdxin, li mhux biss għandhom jiġu assigurati, iżda jkomplu jiżdiedu.

Il-politika ekonomika tal-Partit Nazzjonalista hija mibnija fuq ekonomija għan-nies, bil-ħolqien ta’ jobs ġodda b’pagi tajbin f’setturi importanti u ġodda bħalma huma dawk tal-loġistika u d-distribuzzjoni.

Bl-attakk tiegħu fuq il-ħaddiema tal-Freeport, Muscat ikkonferma li hu u l-klikka tiegħu huma l-politiċi elite ta’ pajjiżna, li l-uniku għan tagħhom li qegħdin fil-politika mhux biex itejbu l-ħajja tan-nies, iżda biex ikomplu jħaxxnu bwiethom.