Internazzjonali

Ir-Russja mħeġġa tnaqqas it-tilwima mat-Turkija

L-Istati Uniti qed tipprova tipperswadi lir-Russja u t-Turkija biex inaqqsu t-tensjoni bejniethom, ġimgħa wara li ajruplani tal-gwerra Torok kienu waqqgħu ajruplan militari Russu fiz-zona tal-fruntiera bejn it-Turkija u s-Sirja.

Il-President Amerikan Barack Obama tkellem mal-President Tork Recep Tayyip Erdogan f’Pariġi u sostna mill-ġdid l-appoġġ tal-Istati Uniti ‘għad-dritt tat-Torok li jiddefendu l-ispazju tal-ajru tagħhom’. Intant, Obama qal li r-Russja u t-Turkija jridu jieħdu passi biex tonqos mit-tensjoni u jiftakru li għandhom ‘għadu komuni’ – f’dan il-każ l-ISIS. Dan waqt li huma jikkonċentraw l-isforzi biex jeliminaw din it-theddida.

Erdogan qal li l-Gvern tiegħu irid inaqqas mit-tensjoni ma’ Moska waqt li hu ‘determinat li jippersisti bil-ġlieda kontra l-ISIS’. Intant, it-Turkija sfidat lir-Russja biex tressaq provi li l-awtoritajiet Torok kienu bagħtu l-qawwiet tal-ajru biex jeqirdu l-ajruplan Russu ‘bil-ħsieb i jipproteġu l-kummerċ taż-żejt ta’ Ankara mal-ISIS’.

Erdogan insista li ladarba r-Russja ħarġet bl-allegazzjonijiet, hi għandha tippreżenta l-provi li jissostanzjawhom. Hu kien iwieġeb għall-istqarrija partikolari tal-President Russu Vladimir Putin, bit-Turkija qed tibqa’ tinsisti li l-ajruplan Russu kien daħlilha fl-ispazju tal-ajru minkejja li kien ingħata diversi twissijiet.

Wieħed mill-piloti tal-ajruplan Russu, il-Kurunell Oleg Peshkov, miet fl-inċident, bil-ko-pilota tiegħu isalva wara li kien qabeż bil-paraxut.

Ir-Russja insistiet li l-ajruplan ma daħalx fiz-zona tal-ajru tat-Turkija u li l-awtoritajiet Russi kienu bagħtu dettalji tat-titjira minn qabel lill-Istati Uniti, bħala alleata tat-Turkija. Madankollu, l-Istati Uniti appoġġjat il-versjoni tat-Turkija dwar kif żvolġew l-affarijiet.