Internazzjonali

Ir-Russja tidħol fl-azzjoni kontra l-ISIS

Ajruplani militari Russi l-Erbgħa daħlu fl-azzjoni fis-Sirja. Dan seħħ ftit sigħat wara li l-Parlament Russu ta l-kunsens tiegħu biex tintuża l-forza militari Russa fis-Sirja.
F’dawn l-aħħar ġimgħat kien hemm hemm diversi rapporti ta’ żieda fil-preżenza militari Russa fil-bazi ta’ Latakia, fis-Sirja, fejn Moska għandha wkoll bażi militari.
Preżenza kemm ta’ suldati, kif ukoll ta’ ajruplani militari, u l-militar Amerikan kien infurmat minn qabel li dan kien se jsir. L-Istati Uniti bħalissa qed tmexxi koalizzjoni internazzjonali u qed tibbumbardja qagħdiet tal-ISIS fis-Sirja kif ukoll fl-Iraq.
Dan l-iżvilupp seħħ wara li l-Kremlin qal li l-President Sirjan Basahar al-Assad għamel talba formali għal għajnuna militari mir-Russja fil-ġlieda kontra l-ISIS. It-talba fil-Parlament Russu, id-Duma, kienet biex tintuża biss il-Qawwa tal-Ajru Russa u mhux truppi.
Waqt li kien fi New York għall-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Putin qal li r-Russja ma kinitx se tuża truppi fis-Sirja u Sergei Ivanov, iċ-Chief of Staff tiegħu, qal li t-talba kienet biss għall-użu għall-ajruplani militari. Iżda ma ngħatawx ċifri ta’ kemm se jintużaw ajruplani. Rapporti fil-media Amerikana lbieraħ qalu li r-Russja talbet li l-ajruplani mmexxija mill-Istati Uniti ma jkomplux jidħlu fl-ispazju tal-ajru Sirjan. Ivanov qal li biex l-attakki mmexxija mill-Amerikani jkomplu, dawn irid ikollhom il-kunsens tan-Nazzjonijiet Uniti inkella kunsens mill-Gvern Sirjan.